It-Trakka l-Kbira, it-Trakka tal-Kwart ta’ Mil u t-Trakka tal-Carting ilhom imwiegħda mill-Partit Laburista għal aktar minn 13-il sena. Iżda issa, il-Ministru Clifton Grima ma jridx iwieġeb il-Mistoqsijiet Parlamentari li qed isirulu fuq dan is-suġġett.
Minflok, qed jagħżel li jibqa’ jevita li jagħti l-ispjegazzjonijiet ta’ fejn wasal dan il-proġett. Konferma oħra li l-Partit ta’ Robert Abela jgħid u jwiegħed ħafna imma ma jagħmel xejn.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista ilu jtenni l-impenn tiegħu, fosthom billi jistaqsi għal kuntratti u l-pagamenti relatati ma’ dawn il-proġetti, iżda l-Ministru ma jridx iwieġeb. Dan huwa xhieda tal-arroganza li saret sinonima mal-Gvern ta’ Robert Abela, li waqt li jħalli lil tal-qalba jitħanżru, lill-isportivi jħallihom fil-għama dwar fejn u kif se jintefqu l-flus miġbura mit-taxxi fil-qasam tal-isport.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u Sport David Agius u l-President ta’ Tim Sport Partit Nazzjonalista Christian Micallef, qalu li fis-27 ta’ Settembru 2021, f’laqgħa tal-Kabinett li saret fil-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali, Robert Abela ħabbar li se ssir it-trakka tal-karozzi. Kważi erba’ snin wara, għadu ma sar kważi xejn.
Fit-23 ta’ Lulju 2019 – aktar minn ħames snin ilu – il-Gvern ħabbar li se jsir investiment ta’ €28 miljun f’korsa taż-żwiemel ġdida fil-Marsa. Qal li din se tkun ta’ livell internazzjonali. Qal li jrid iħajjar tiġrijiet minn barra b’arranġament mal-istalel ta’ Sheick al Makhtum ta’ Dubaj u li dawn jixxandru fuq l-internet biex fuqhom isir il-betting internazzjonali. Imma s’issa ma sar assolutament xejn minn dan kollu.
Fissru wkoll li jekk kif id-dejn tal-pajjiż qabeż rekord ta’ €11,000 miljun, fl-aħħar sena Robert Abela u Clyde Caruana għamlu waħedhom €859 miljun f’dejn, jiġifieri €2.3 miljun kuljum. Madankollu, l-isportivi għadhom jittewbu u jitkarrbu għal dak li jixirqilhom u li ilu jiġi mwiegħed lilhom mill-Partit Laburista.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu favur li ssir din it-Trakka, filwaqt li qed jappella għas-serjetà u t-trasparenza dwar kif u fejn jintefqu flus il-poplu. Il-Partit Nazzjonalista jtenni wkoll li l-informazzjoni dwar kuntratti u pagamenti jiġu ppubblikati mingħajr aktar dewmien.
Għax l-isportivi, bħall-bqija tal-poplu, jixirqilhom u għandhom id-dritt ikunu jafu l-verità u mhux min jgħaddihom biż-żmien jew li jisirqilhom il-vot b’wegħdiet vojta lejliet elezzjoni, kif għamel Robert Abela.
//= $special ?>