L-Ewropa kollha qed taqbel dwar in-neċessità li l-gwerra tal-Ukrajna tieqaf mill-aktar fis possibbli u meta l-kontinent – bħala koalizzjoni ta’ Stati — qed jimmobilizza impenn għall-ħarsien tas-sigurtà kollettiva fuq livell li ma deher qatt bħalu minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Din kienet fost l-ewwel impressjonijiet mis-summit li kkonkluda f’Pariġi u fejn ħadu sehem il-Mexxejja tal-Ewropa bħala parti minn dan l-impenn….Summit fejn huma qablu li l-paċi kienet, għadha u tibqa’ tragward importanti mhux biss għall-Ukreni iżda aki għall-kontinent kollu.
Il-messaġġ ewlieni li spikka mis-summit kien li, wara aktar minn tlett snin ta’ gwerra (fl-Ukrajna) “il-paċi tista’ tkun irrealizzata biss minn pożizzjoni ta’ saħħa”…Pożizzjoni li tippermetti għal negozjati xierqa li ma jiffavorux naħa kontra oħra,
Mis-summit ta’ Pariġi ħareġ ukoll il-messaġġ li l-Koalizzjoni ta’ Pajjiżi Ewropej jridu jistinkaw aktar lejn il-paċi, bil-President Franċiż, Emmanuel Macron, li laqa’ lil dawn il-Mexxejja, jisħaq li l-Istati qegħdin jaħsbu biex jistazzjonaw ‘qawwa ta’ rassigurazzjoni’ fl-Ukrajna ladarba jintlaħaq ftehim għall-paċi.
Kien ukoll sinifikanti l-qbil, fost il-Mexxejja f’Pariġi, li issa mhux iż-żmien li jitneħħew is-sanzjonijiet għar-Russja. Dan meta l-Kremlin, wara l-ftehim ta’ nhar it-Tlieta mal-Ukreni biex jippermetti għall-moviment ħieles tal-vapuri mill-Baħar l-Iswed, għadu jsostni li l-ftehim jidħol fis-seħħ biss ladarba l-Punent ineħħi s-sanzjonijiet għall-kummerċ tal-ikel u l-fertilizzanti mir-Russja.
Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, li wkoll ħa sehem fis-summit ta’ Pariġi, qed jinsisti li t-talba tar-Russja ma tinkwadrax fil-ftehim li ntlaħaq nhar it-Tlieta, bil-medjazzjoni tal-Istati Uniti.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Keir Starmer, qal li qed tidher aktar ċara r-rieda politika tal-pajjiżi Ewropej biex jistinkaw lejn paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna.
U skont hu, l-Istati jeħtieġu jżidu l-pressjoni fuq livell militari biex jirrealizzaw it-tragward – u fost il-pjani biex l-Ukrajna tingħata aktar għajnuna ħalli tiddefendi ruħha kontra l-avvanzi mill-militar ta’ Vladimir Putin.
Starmer tkellem ukoll dwar l-importanza li tiżdied il-pressjoni ekonomika fuq ir-Russja, li mhix qed tidher daqstant disposta għal waqfien mill-ġlied fost l-attakki konsistenti fuq l-ibliet Ukreni bid-drones u l-missili.
Il-Prim Ministru Britanniku, wara s-summit, irrefera għal sanzjonijiet ġodda u aktar iebsa fil-konfront ta’ Moska u fost il-pjani li dawn anki jħallu impatt akbar fil-qasam tal-enerġija, li hu sors ewlieni ta’ introjtu għar-Russja.
Ma dan jidher li qabel il-President Macron li wkoll semma l-ħtieġa tas-sanzjonijiet kontinwi fuq il-Gvern ta’ Putin bħala mezz li għandu jħaffef it-tmiem tal-gwerra.
Macron hu anki fiduċjuż li l-Istati Uniti – minkejja l-avviċinament tal-President Donald Trump ma’ Vladimir Putin –għandha tieħu ‘il-passi xierqa u effettivi’ fil-konfront tar-Russja f’każ li l-Kremlin ‘jitknikker u jqarraq’ bl-intenzjonijiet rigward il-proposta tal-Amkerikani għal waqfien mill-ġlied ta’ xahar fl-artijiet Ukreni.
//= $special ?>