Internazzjonali Unjoni Ewropea

It-Tieni Trilogue dwar id-Direttiva kontra l-Korruzzjoni: Il-veru ġlieda kontra l-korruzzjoni

“Fl-aħħar bdejna ninnegozjaw biex nagħlqu l-loopholes li għandhom il-politiċi korrotti biex jibqgħu involuti fil-korruzzjoni.”

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa, tkellem wara laqgħa ta’ trilogue bejn l-istituzzjonijiet Ewropej dwar Direttiva ġdida kontra l-korruzzjoni. Casa huwa wieħed min-negozjaturi f’isem il-Parlament Ewropew.

“Jekk inti politiku nadif, m’għandekx għalfejn tibża’ minn din id-Direttiva. Dan kien il-messaġġ tiegħi.”

“Din hija Direttiva mmirata lejn il-korrotti u lil dawk il-politiċi li jridu jiddefenduhom,” stqarr Casa.

Hekk kif il-proċess tan-negozjati qed jaqbad rittmu, il-Membri tal-Parlament Ewropew qegħdin ikomplu jimbuttaw lejn direttiva b’saħħitha u ambizzjuża li ssaħħaħ it-toolkit tal-UE. Casa enfasizza l-ħtieġa u l-importanza ta’ din il-leġiżlazzjoni fid-dawl ta’ skandli riċenti u l-bżonn ta’ responsabbiltà mill-politiċi li qiegħed jitlob il-pubbliku Ewropew.

David Casa tenna l-impenn tal-Parlament li jkollu liġi effettiva li tagħlaq il-loopholes li jippermettu l-impunità. 

“Daqshekk impunità. Inkomplu din il-ġlieda biex inneħħu l-impunità fl-istati membri, biex ineħħu l-korruzzjoni mill-politika, li fl-aħħar mill-aħħar huwa serq mill-poplu.”

Matul it-trilogue, il-Parlament iddefenda l-pożizzjoni tiegħu favur regoli ċari dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni, pieni armonizzati, u miżuri preventivi msaħħa.

“Irridu nagħmlu ħilitna kollha biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu ħielsa mill-korruzzjoni.”