Dejjem aktar Torok qed jingħaqdu fil-protesti popolari kontra l-‘awtokrazija’ tal-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan — u meta l-analisti jemmnu li l-pajjiż għaddej tassew minn riħ ta’ bidla wara 20 sena ta’ tmexxija karatterizzata minn politika ta’ ripressjoni.
Il-Kap tal-Partit tal-Poplu Repubblikan (CHP), li hu l-akbar partit fl-Oppożizzjoni, qal, sadanittant, li l-protesti kontra l-Gvern ‘u Erdogan’ għandhom ikomplu f’kull belt tat-Turkija sakemm il-President jiddeċiedi biex isejjaħ elezzjonijiet bikrija.
Fl-istess ħin, l-akbar domanda fuq fomm in-nies hi għall-ħelsien mill-ħabs ta’ Ekrem Imamoglu, is-Sindku ta’ Istanbul , li qed jinżamm fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ‘kompliċità f’aġir terroristiku kontra l-Istat’….Akkużi li qed jidhru infondati u li anki jirriflettu proprju kemm Imamoglu qed jinkwieta lil Erdogan minħabba l-popolarità tiegħu mal-poplu.
Min-naħa tiegħu, Ozgur Ozel, bħala Chairman tal-Partit CHP, qal li nhar is-Sibt, għandha ssir ‘l-akbar dimostrazzjoni s’issa’ f’Istanbul…Dan bħala l-ftuh tal-kampanja biex Imamoglu jilħaq President ġdid tat-Turkija wara l-elezzjonijiet li għandhom isiru fl-2028.
Ozel spjega li r-rallies li jmiss fid-diversi bliet tat-Turkija se jkunu fost l-akbar qatt organizzati fil-pajjiż u meta ‘it-Torok jemmnu bis-sħiħ f’Imamoglu u l-ħtieġa għal demokrazija f’pajjiżhom’.
Fil-fatt, id-dimostrazzjonijiet fit-toroq organizzati s’issa mill-Oppożizzjoni huma fost l-aktar impressjonanti għal ħafna snin, waqt li saru aktar ‘ferventi’ minn dakinar tal-arrest (ġimgħa ilu) tas-Sindku ta’ Istanbul.
Ir-rallies kienu anki karatterizzati mit-tensjoni u l-vjolenza, bil-pulizija tispara l-gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti, fost l-arrest ta’ mill-anqas 1,300 ruħ – inklużi ġurnalisti Torok li kienu qed jirrappurtaw dwar il-protesti.
Min-naħa tiegħu, il-President Erdogan qed ikompli jikkundanna d-dimostrazzjonijiet bħala ‘terroriżmu qalb it-toroq’– u fost il-kritika għad-dimostranti li qed jakkużahom dwar ‘attakki premeditati fuq il-pulizija.’ Erdogan qed jinsisti wkoll li, ‘il quddiem, ‘għandha tonqos ir-rieda għall-protesti fost id-dimostranti’ iżda l-osservaturi lokali u barranin kollha jaqblu li l-każ qiegħed juri mod ieħor.
//= $special ?>