Lokali Qorti

Konfermati sitt xhur ħabs għal priġunier wara li nstabet id-droga fiċ-ċella tiegħu

Raġel ta’ 40 sena magħruf sew mill-Pulizija, kellu l-appell tiegħu miċħud fejn piena ta’ sitt xhur ħabs ġiet konfermata wara li nqabad bid-droga fiċ-ċella tal-Ħabs fejn kien qed jinżamm. Jeremy James Farrugia kien ġie mixli mill-Ispettur Paul Camilleri li fit-12 ta’ Settembru 2018 kellu 2.47 grammi kannabis kif ukoll li kiser sentenzi tal-Qorti.

Fis-7 ta’ Diċembru 2022 instab ħati u kien ikkundannat sitt xhur ħabs madankollu appella quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras. Mill-provi rriżulta li l-Pulizija kienu msejħa fil-Ħabs wara li waqt tfittxija fiċ-ċella fejn kien Farrugia nstabet l-imsemmija droga.

Mill-provi rriżulta li fit-12 ta’ Settembru 2018, għall-ħabta tal-11.30pm, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal il-Ġdid ġew msejħa sabiex imorru ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u dan għaliex waqt tfittxija f’waħda miċ-ċelel f’Diviżjoni II, instabet sustanza suspettata droga.

Minn tfittxija li għamlu l-gwardjani fl-istess ċella okkupata minn Jeremy James FARRUGIA, huma elevaw
numru ta’ oġġetti minn fuq cupboard, fosthom żewġ boroż tabakk ta’ lewn aħdar, sigarett nofsu miftuħ
u mferrex b’tabakk ta’ lewn aħdar imħallat miegħu, USB, charger u mobile LG ta’ lewn iswed.

Fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija l-akkużat ċaħad li d-droga kienet tiegħu u qal li ma jafx kif spiċċat fiċ-ċella madankollu l-Imħallef Galea Sciberras ċaħditlu l-appell wara li qalet ma ssib l-ebda raġuni għalfejn għandha titbiegħed mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati meta din tat piena ta’ sitt xhur priġunerija.