Lokali

L-Awditur se jinvestiga l-kuntratt tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab – PN

Milqugħa talba tal-Membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi biex jiġi investigat dan il-kuntratt

L-Awditur Ġenerali laqa’ talba li saritlu mill-Membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi biex jinvestiga l-proċess tas-sejħa pubblika għall-proġett tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab.

F’ittra bid-data tal-lum, 27 ta’ Marzu 2025, l-NAO informa liċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li t-talba li għamlulu l-membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-istess Kumitat f’Lulju li għadda biex issir investigazzjoni dwar il-kuntratt tal-inċineratur ġiet aċċettata.

Din it-talba kienet iffirmata miċ-Chairman tal-Kumitat Darren Carabott, mill-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fil-PAC Claudette Buttigieg u Graham Bencini, kif ukoll mix-Shadow Minister responsabbli mill-ambjent Rebekah Borg u x-Shadow Minister għall-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello.

It-talba kienet saret wara d-dubji li tqajmu dwar kemm l-għoti tal-kuntratt sar skont il-prinċipji ta’ governanza tajba u kien hemm allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet b’rabta ma’ dan il-proġett li jinvolvi miljuni ta’ ewro f’fondi pubbliċi. Wara li f’Ottubru tal-2023 konsorzju internazzjonali li kien jinkludi fih kumpanija Maltija rebaħ it-tender b’offerta ta’ €600 miljun, waħda mill-kumpaniji li tilfu t-tender ressqet appell li ntlaqa’ mill-Qorti u l-Wasteserv kellha tirrevedi d-deċiżjoni tagħha.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fassal it-termini ta’ referenza tal-verifika skont it-talba li saret mill-Oppożizzjoni. Dawn it-termini juru li l-investigazzjoni se tidħol fl-analiżi dwar jekk gietx imwettqa evalwazzjoni xierqa, skont il-prinċipji ta’ governanza tajba, biex jiġu vvalutati numru ta’ punti li għandhom valur soċjali, ambjentali u ta’ governanza.

Fost oħrajn, l-investigazzjoni se tevalwa l-benefiċċji tal-proġett, l-impatt ambjentali u jekk ġewx imħarsa l-interessi tar-residenti tal-madwar. Se tevalwa wkoll il-livell ta’ diliġenza u governanza tajba mistennija mid-Dipartiment tal-Kuntratti, entitajiet governattivi, il-Ministeri, il-Kabinett u kwalunkwe persuna oħra, speċjalment biex tara tħarsux il-kontabbilità, it-trasparenza u l-kunfidenzjalità fil-proċess tat-tender u l-monitoraġġ tiegħu.

It-termini ta’ referenza jinkludu wkoll analiżi dwar il-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Evalwazzjoni u jekk dan jirriflettix il-livelli mistennija ta’ diliġenza u governanza meta mqabbel ma’ proċessi oħra u kuntratti mogħtija fl-istess perjodu.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li din it-talba ġiet milqugħa, għax tirrifletti s-sentimenti tar-residenti taż-żona u l-oġġezzjonijiet kontinwi għal dan il-proġett mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar.

Huwa sinifikanti li din l-investigazzjoni qed tasal proprju ftit jiem wara l-aħħar attentat tal-Prim Ministru Robert Abela li jkompli jaħtaf u jieħu kontroll assolut ta’ aktar istituzzjonijiet u proċessi simili.

Dan hekk kif ftit jiem ilu l-Oppożizzjoni kienet kostretta tressaq Mozzjoni oħra fil-Parlament biex jitħassru emendi fil-liġi li jagħtu poter eċċessiv lill-Prim Ministru fuq il-proċess tal-public procurement. Bidliet li saru biex jagħtu kontroll akbar lill-Prim Ministru fuq appelli minn deċiżjonijiet biex jiġu assenjati kuntratti lil dawk qrib il-Partit Laburista.

Fost l-oħrajn, b’dawn l-emendi, il-Prim Ministru qed jingħata aktar poteri biex jagħżel hu lil min ipoġġi fuq il-Public Contracts Review Board (PCRB), li huwa l-bord li jirrevedi deċiżjonijiet relatati ma’ kuntratti pubbliċi li ħafna drabi jkunu jammontaw għal miljuni ta’ ewro.