Internazzjonali

L-Eġittu: Konfermati l-imwiet ta’ uħud fost il-passiġġieri ta’ sottomarin tat-turisti waqt inċident ‘il hinn minn Hurghada

L-Eġittu qed jingħata prominenza kbira mill-media internazzjonali wara li sottomarin tat-turisti għereq fil-Baħar l-Aħmar…Żvilupp li qed ikun segwit madwar id-dinja u meta issa hu konfermat li mietu talanqas sitta b’kaġun tal-inċident.

Fl-aħħar sigħat kienu salvati madwar 30 ruħ mis-sottomarin li spiċċa f’diffikultajiet waqt li kien ftit ‘il hinn mill-kosta tal-belt ta’ Hurghada. 

Fuq is-sottomarin kien hemm aktar minn 40 passiġġier u l-indikazzjonijiet  huma li dawn kienu kollha ċittadini tar-Russja. Dan sar magħruf mid-data provduta mill-Ambaxxata ta’ Moska fl-Eġittu.

Intant, għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar kif is-sottomarin – bl-isem Sindbad – seta’ jegħreq viċin ħafna l-port ta’ Hurghada; bl-Eġizzjani jkomplu jaġġornaw lill-awtoritajiet fir-Russja dwar l-aħħar żviluppi.

Dan kien it-tieni inċident fil-Baħar l-Aħmar f’perjodu ta’ ftit xhur.

Fil-fatt, f’Novembru, dgħajsa bl-isem Sea Story li kellha talanqas 40 persuna abbord ukoll għerqet ‘il hinn mill-Eġittu – u viċin ir-resort ta’ Marsa Allam. Fl-inċident intilfu ħdax-il persuna li d-destin tagħhom għadu mhux magħruf u li qed ikunu kalkulati bħala mejtin fiċ-ċirkustanzi.

U waqt li raġunijiet għat-traġedja ta’ Hurghada x’aktarx li se jdumu biex isiru magħrufa, il-frekwenza ta’ dawn l-inċidenti, fl-Eġittu, qed iqajjmu l-mistoqsijiet persistenti dwar il-miżuri tas-sigurtà li huma responsabbiltà tal-awtoritajiet u l-imprendituri involuti f’dan it-tip ta’ turiżmu.

Il-ġiti bid-dgħajjes u s-sottomarini huma attrazzjoni sinifikanti fiz-zoni marittimi mfittxija mit-turisti ħerqanin għal dawn it-tipi ta’ ‘excursions’ fuq il-baħar….Intant, komplew ifeġġu d-dubji dwar kemm l-awtoritajiet lokali qed jispezzjonaw il-kriterji tas-sigurtà f’dan il-qasam minn żmien għal żmien.