Il-Gvern Laburista ma weġibx fil-Parlament għal sensiela ta’ mistoqsijiet dwar il-pontoons tas-sajjieda fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex.
Fost l-oħrajn il-Ministru fil-Kabinett ta’ Robert Abela, Chris Bonett, ma weġibx mistoqsijiet speċifiċi dwar l-allokazzjoni ta’ pontoons u pontoons addizzjonali fil-Port tal-Imġarr u dwar bastimenti fl-istess port ta’ Għawdex.
Il-Ministru Chris Bonett ma weġibx għal sensiela ta’ mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo dwar meta u fejn tlestew id-90 pontoon addizzjonali għall-bastimenti tas-sajd fil-Port tal-Imġarr; jekk id-90 pontoon disponibbli għall-bastimenti tas-sajd ġewx użati fil-Port tal-Imġarr; ma tax informazzjoni lill-Parlament dwar il-marka, il-mudell u n-numru tar-reġistrazzjoni tad-90 bastiment tas-sajd li qed jintużaw fid-90 pontoon ġdid li nħolqu għall-bastimenti tas-sajd.
Il-Ministru għadu ma informax lill-Kamra li l-ebda bastiment tas-sajd ma ġie miċħud pontoon, minn dawk li kienu maħsuba biex jiġu allokati permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea filwaqt li ma tax dati ta’ meta dawn ġew allokati u l-perjodu ta’ żmien rispettiv.
Il-Ministru Chris Bonett qal biss li din l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.
Sadattant, din il-ġimgħa stess sajjied Għawdxi ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura, u Xogħlijiet Pubbliċi, u l-Avukat tal-Istat, fejn allega allokazzjoni inġusta ta’ rmiġġ fil-Port tal-Imġarr li għadu kif tkabbar.
//= $special ?>