minn Angelo Micallef
Fl-aħħar ġimgħat kellna ħafna diskussjoni dwar ir-rwol ta’ pajjiżna fix-xena internazzjonali. Pajjiżna għandu klawsola fil-kostituzzjoni tiegħu li tiddikjara li pajjiżna huwa wieħed newtrali u li allura ma jiffurmax parti minn xi alleanza militari. L-istess klawsola tisħaq li pajjiżna għandu attivament ifittex il-paċi u jaħdem favur il-paċi.
Naturalment hemm differenza bejn taħdem favur il-paċi u tfittex il-paċi u li tagħmel bħal gallozz u taħbi rasek taħt ir-ramel. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, fis-summit tal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew, għamel il-pożizzjoni newtrali ta’ pajjiżna ċara u wassal biex anke iswed fuq l-abjad din il-pożizzjoni ġiet rikonoxxuta. Mill-banda l-oħra ħareġ ċar ukoll li pajjiżna mhux lest jagħlaq għajnejh għar-realtà ta’ madwarna u bħala parti mill-familja Ewropea jrid jaħdem favur paċi ġusta u sostenibbli mibnija fuq is-saltna tad-dritt.
Id-diski differenti li jdoqq Robert Abela
Mhux l-istess il-Prim Ministru Robert Abela li bil-fomm f’Malta qed idoqq diska fejn kważi kważi tibda taħseb li sar il-pappagall ta’ nies bħal Trump u Orban u fi Brussell idoqq diska differenti. Inkonsistenza perikoluża ħafna li twassal biss biex iddgħajjef il-kredibbiltà ta’ pajjiżna.
M’hemm ebda dubju f’moħħ ħadd li l-paċi dejjiema hi l-unika sitwazzjoni li twassal biex kulħadd ikun rebbieħ. Madankollu m’għandu jkun hemm ebda dubju li l-paċi dejjiema tista’ biss tinkiseb b’paċi li hi ġusta ma’ kulħadd. Li nistennew li xi poplu jċedi s-sovranità tiegħu jew iċedi l-art tiegħu mhijiex se twassal għal paċi dejjiema, imma nkunu qegħdin biss nipperpetwaw inġustizzja u agħar minn hekk inkunu qed nibnu fuq paċi li bla dubju ta’ xejn mhijiex se tkun dejjiema.
Dritt sagrosant
Id-drittijiet umani huma drittijiet sagrosanti li dwarhom m’għandu jkun hemm ebda forma ta’ logħob jew kalkoli partiġjani. Huwa għalhekk li kliem il-Prim Ministru li saħaq li jrid jibda diskussjoni għal bidla fid-drittijiet umani fuq livell ta’ Kunsill tal-Ewropa qanqal tħassib mill-aktar serju fost ħafna. Forsi fost l-aktar kliem aħrax s’issa ġie mill-editorjal tal-MaltaToday li saħaq, “Touching the human rights convention is dangerous. It can lead to very ugly consequences, which is why we remain shocked as to how nobody in the Labour Party has the temerity to even question the Prime Minister’s statements. It is a shame that Labour backbenchers, ministers and party functionaries are sheepishly submitting to a Prime Minister who is more comfortable embracing Europe’s far-right leaders and eulogising the Trump doctrine. They really should’nt be bothered when attributed the fascist label.”
Donnu mhux waħdi qed inħoss li dan l-aħħar għandna Prim Ministru li qiegħed jinstema’ aktar u aktar bħal Orban u Trump, żewġ mexxeja li dwarhom trid tassew ma tkunx temmen fid-demokrazija biex tara mqar xrara pożittiva!
Xahar b’telfa ta’ diqa
Ix-xahar ta’ Marzu kien wieħed fejn il-familja tiegħi tlifna persuna għażiża għalina. Kien propju fis-sigħat bikrin tat-13 ta’ Marzu li ħalla din id-dinja z-ziju tiegħi Frank Dimech. Kienet telfa li ħasdet lil kulħadd hekk kif iz-ziju Frank kellu biss 65 sena u f’temp ta’ ftit xhur ġie maħkum minn marda aggressiva li wasslitu sal-mewt. Iz-ziju Frank se jibqa’ bniedem li jqanqal bosta memorji sbieħ; memorji ta’ bniedem mill-aktar ġenerużi li dejjem kien lest jagħti u jgħin. Bniedem li jaħseb f’ħaddieħor u jfittex attivament il-kuntentizza ta’ ħaddieħor.
Bniedem li kellu passjoni għal-logħba tat-tennis u għar-rota imma li uża din il-passjoni biex iħajjar oħrajn. Min jaf kemm hawn tfal u adulti li fl-aħħar snin marru għand iz-ziju Frank biex tgħallmu r-rota u li tgħallmu jsuqu r-rota u jgawdu l-pjaċir li rota taf toffri grazzi għall-isforzi taz-ziju Frank.
Iz-ziju Frank ma kienx joqgħod lura milli jgħid dak li jemmen u jaħseb. Imma kien jagħmel dan mhux b’sens ta’ malizja imma bl-akbar spirtu onest u ġenwin. Forsi mhux dejjem qbilt ma’ kull opinjoni li kellu z-ziju Frank, imma qatt ma kelli dubju mill-ġenwinità assoluta tiegħu.
Strieħ fis-sliem Uncle Frank kif aktar imdorri ngħidlek; u tinsiex tagħti tgħanniqa lin-nanna u lin-nannu mingħandi, issa li tinsabu lkoll flimkien mill-ġdid tgawdu l-mistrieħ ta’ dejjem.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 27 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>