Opinjoni

OPINJONI: Traffiku: Inizjattiva fjakka

Il-problema tat-traffiku f’Malta mhix se tissolva billi tħallas lin-nies ħalli ma jsuqux. Tissolva billi jinħolqu sistemi alternattivi maħsubin tajjeb.

minn Mark A. Sammut Sassi

Fil-pajjiż fejn il-Ministru tat-Trasport kunjomu Bonett (tibda tistaqsi jekk fis-segretarjat privat għandux Stepni, Parafangu, Windscreen, Bumper, eċċ), tħabbret skema għaċ-ċessjoni tal-liċenzji tas-sewqan u – Allajbierek! – sal-lum li qed nikteb ma jidher lanqas dettall wieħed fil-websajt tal-Ministeru! Il-Ministru Bonett u l-websajt panċer.

Mill-gazzetti – mhux mill-websajt tal-Ministeru – sirna nafu li l-Gvern qed jipproponi li jħallas €25,000 lil kull min lest iċedi l-liċenzja tas-sewqan għal ħames snin.

Għaliex seba’ snin?

Trid tkun ilek issuq seba’ snin, iżda. Imkien ma sibt spjegazzjoni għaliex proprju seba’ snin! Għax numru mistiku? Għaliex sebgħa u mhux tmienja jew sitta? U għaliex trid tkun ilek numru ta’ snin issuq biex tkun tista’ ċċedi l-liċenzja u tieħu l-pagament offrut mill-Gvern? X’inhi l-loġika? Jew aħjar, hemm loġika?

U għaliex iċċediha għal ħames snin? Għax ħamsa u mhux sitta jew erbgħa? Għax ħamsa hu l-għadd ta’ swaba’ fuq id waħda u b’hekk tkun tista’ tgħoddhom faċilment?

X’inhi l-loġika li twaqqaf lil xi ħadd milli jsuq għal ħames snin biex imbagħad (preżumibbilment) jerġa’ jibda jsuq u jkun tilef il-ħila?

U – kif ġa osservaw bosta nies – kif se jkun jaf il-Gvern min qed isuq u min le minn dawk li jkunu ċedew il-liċenzja? Beħsiebu jibda jimla l-pajjiż bir-roadblocks? Forsi din hi l-vera strateġija tal-Gvern? Li jimla t-toroq bir-roadblocks ħalli jara li ħadd minn dawk li ċedew il-liċenzja mhuma qed isuqu u billi jagħmel hekk, jimblokka t-toroq u kulħadd jaqta’ qalbu li jsuq?

Jekk ma jorganizzax ir-roadblocks kif se jivverifika li ma jkunx hemm abbużi? Li kull min ċeda l-liċenzja verament mhux isuq?

Ħaseb il-Ministru dwar l-inkonvenjent għal min iċedi l-liċenzja u mbagħad forsi jkun irid isuq barra minn Malta? Hemm il-ħsieb li jinħarġu liċenzji temporanji? Jew lanqas biss għaddiet mit-trafanal ta’ moħħ min ħareġ b’dil-idea li jista’ jkun hemm dal-ħtiġiet?

Iċ-ċessjoni tal-liċenzja tas-sewqan tfisser proprju hekk jew tfisser li ċċedi li ssuq karozza, ngħidu aħna, imma xorta żżomm li tista’ ssuq mutur?

Tkun tista’ tibdlu l-ħsieb wara, ngħidu aħna, sentejn?

Għal min hi intiża l-inizjattiva?

Sewwasew dil-inizjattiva għal min hi intiża? Għal min juża l-vettura privata biex imur għax-xogħol? U x’alternattivi se jkollu? It-teksi? Ir-rota? Il-karozzi tal-linja?

Bit-teksi, ovvjament, ma jagħmilx sens – għax tispiċċa tonfoq aktar mill-ħamest elef li jagħtik il-Gvern fis-sena. Bir-rota fis-sħana ta’ Malta u bit-tlajja’ u l-inżul ukoll ma jagħmilx sens. U bix-xarabank, jiddependi fejn ikunu t-tluq u d-destinazzjoni tiegħek… għax mhux biss għandek il-problema tan-nuqqas kroniku ta’ puntwalità tax-xarabankijiet, imma għandek il-problema ta’ ffullar żejjed fuqhom, in-nuqqas ta’ mġiba tajba (ġieli anki għal raġunijiet kulturali), u l-ħela tal-biża’ ta’ ħin minħabba li r-rotot twal wisq għax mhumiex maħsubin għall-effiċjenza hemm biex jilħqu l-akbar għadd ta’ nies possibbli.

Il-problema tat-traffiku f’Malta mhix se tissolva billi tħallas lin-nies ħalli ma jsuqux. Tissolva billi jinħolqu sistemi alternattivi maħsubin tajjeb. Imma wkoll billi jsiru korrezzjonijiet għall-għadd bla qies ta’ żbalji fl-ippjanar tat-toroq, billi jiddaħħlu aktar semafori, u billi tiddaħħal aktar dixxiplina. Din tal-aħħar bi preżenza akbar tal-forzi tal-ordni fit-toroq… mhux biex jinħarġu l-multi imma biex jiġi impost ordni fuq il-kaos fis-sewqan.

U dan irid isir mhux bil-persunal li għandha fil-preżent Transport Malta, li fil-maġġoranza l-kbira tiegħu jidher li ma jafx jagħmel xogħlu. Irid isir billi l-persunal jingħata taħriġ tajjeb, barra minn Malta. Ta’ sikwit jiġri li l-impjegati ta’ Transport Malta aktar iżidu mal-problemi tat-traffiku milli jtaffuhom – u dan għax m’għandhomx taħriġ tajjeb.

Il-pajjiż għandu bżonn management aħjar

M’għandniex xi ngħidu, jekk il-Ministru jdaħħal skemi ta’ ħinijiet għall-ġbir tal-iskart u għat-trasport bil-vetturi tqal, dan jgħin immensament. Dal-vetturi jridu jkunu marbutin jagħmlu l-vjaġġi tagħhom biss f’ċerti ħinijiet, li jkunu tal-anqas inkonvenjent għat-traffiku.

Il-pajjiż mhux inizjattiva strampalati jeħtieġ. Imma management aħjar. Il-Ministru kunjomu Bonett – jista’ jimmaġina l-problema tat-traffiku bħala problema tal-magna mhux tat-tapezzerija. X’hemm taħt il-bonit jgħodd, mhux kemm huma sbieħ is-sitien.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 27 ta’ Marzu, 2025.