“Il-Partit Nazzjonalista lest li jmexxi lil dan il-pajjiż, b’ideat ġodda li kapaċi jixprunaw bidla sħiħa – bidla ta’ pajjiż immexxi minn Gvern diċenit li l-ewwel prijorità tiegħu tkun l-interess nazzjonali.”
Hekk sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien intervistat fil-programm ‘Popolin’, fejn fisser kif il-PN qed jerġa’ jagħti tama ġdida lill-poplu sabiex titwettaq il-bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn.
Hu saħaq li l-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni irnexxielu jixpruna bidliet importanti, tant li flimkien ma’ omm u missier Jean Paul Sofia, irnexxielu jbiddel il-ħsieb ta’ Robert Abela u sħabu sabiex issir l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ.
Hu fisser kif il-PN f’dawn is-snin kompla juri li għandu s-soluzzjonijiet. Tant li fil-Parlament ressaq proposti tanġibbli dwar l-għoli tal-ħajja – fosthom li titneħħa t-taxxa minn fuq il-COLA.
Bernard Grech tkellem dwar il-ħtieġa li l-pajjiż jimxi għal politika ta’ kwalità fejn anke jsir investiment f’setturi ekonomiċi li jrendu sew, u mhux nibqgħu nibbażaw l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq il-popolazzjoni – strateġija tal-Gvern preżenti, li qed tfisser piż kbir fuq l-infrstruttura ta’ pajjiżna.
Dwar is-saħħa, Bernard Grech fakkar fil-proposta li Gvern ġdid Nazzjonalista jibni Sptar ġdid f’Għawdex, u Sptar ġdid psikjatriku li jkun jista’ jservi lil dawk kollha li għandhom bżonnijet speċifiċi.

Meta tkellem fuq l-investiment fil-gżira Għawdxija, Bernard Grech semma’ kif Gvern Nazzjonalista dejjem kellu għal qalbu lil Għawdex, tant li kien investa fil-vapuri preżenti li għadhom sal-lum jaqdu l-bżonnijiet tal-poplu u t-turisti li jżuru l-gżira. Hawn, hu saħaq li minflok il-flus kbar li qed jintefqu fil-kirja ta’ vapur second-hand u medjokri, irridu ninvestu f’vapuri ġodda. Dan apparti investiment kif suppost fil-port tal-Imġarr.
Bernard Grech saħaq li l-PN lest sabiex ikun fil-Gvern, ħalli pajjiżna jkun jista’ jibda jaħdem fuq bidliet kbar; minn bidliet dwar kif titħaddem l-ekonomija, għal ħidma bla waqfien biex jerġa’ jġib lura d-diċenza fil-politika – u mhux ngħixu f’pajjiż li nqumu bi skandlu ġdid kuljum.