Lokali

Triq San Ġwann fil-Belt Valletta deskritta qisha “zona ta’ gwerra”

“Inkredibbli, dalwaqt il-festi tal-Għid u Triq San Ġwann, fil-qalba tal-Belt Valletta għadha qisha zona tal-Gwerra”

Hekk sostna wieħed mill-ħafna persuni li tkellmu fuq il-media soċjali dwar il-fatt kif Triq San Ġwann, fil-qalba tal-Belt kapitali ta’ pajjiżna, bħal issa tinsab fi stat tal-biża’. U l-ħaddiema ftit li xejn qed jidhru fil-post biex ikomplu bix-xogħlijiet – għajr għal xi tnejn.

Dawn il-baraxx ta’ kummenti waslu wara li dan il-proġett f’din it-triq prinċipali, kellu jitlesta f’perjodu ta’ 3 xhur. Madankollu wara kważi xahrejn is-sitwazzjoni għadha kważi kif kienet meta inqala’ kollox fil-bidu tax-xogħlijiet.

Ir-residenti Beltin saħqu ma’ din il-kamra tal-aħbarjiet li l-aċċesibilità hi ħażina ħafna, tant li anke kien hemm drabi fejn bosta setgħu faċilment weġġgħu.

Apparti min hekk, sidien ta’ negozji varji li qed jiġu milquta minn dan il-fjask saħqu li minħabba li d-data tat-tlestija tidher li żgur mhux ser titlaħaq, dan ifisser li n-negozju tagħhom ser ikompli jbatti dejjem aktar.

Huma spjegaw kif spiċċaw f’sitwazzjoni fejn qed jgħinu lir-residenti u t-turisti jimxu fuq is-supost passaġġ li hemm fit-triq – bil-maġġoranza tagħhom jispjegaw li lanqas din l-alternattiva ma saret kif suppost. Dan b’piż fuq in-negozji, r-residenti u inkonvenjent sħiħ għat-turisti li jżuru l-Belt kapitali ta’ pajjiżna.

Intant, wieħed mill-operaturi stqarr li f’din iz-zona hemm 15-il negozju. U wara li jgħaddu t-tliet xhur kif ġew imwiegħda…se jkunu qed jitolbu li tinġarr responsabbiltà għall-effetti li kien hemm fuq il-business tagħhom.

Huma qed jgħidu li issa jrid ikun biss miraklu biex tintlaħaq din il-mira għat-tlestija tal-proġett, anke minħabba l-fatt li x-xogħol qed isir minn żewġ ħaddiema biss.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo