Lokali

Wara l-leaks mil-Labour: Ryan Borg joħroġ bil-leave

Ryan Borg, wieħed mid-direttur tal-Awtoritá tal-Integrita fl-Isports, spiċċa ħareġ bil-leave. Dan wara li dan l-istazzjoni żvela recordings li ġew illikjati lilna mil-Labour stess… fejn hu kritika bl-aħrax lill-Ministru Clifton Grima.

Ryan Borg, li għamel żmien iservi bħala Chief of Staff mal-istess Ministru,  kien sostna li jekk Clifton Grima ma jafx li għandu problemi kbar fil-Ministeru mela allura hu mhux denju għall-kariga li jinsab fiha. Filwaqt li żvela kif  iċ-Chief of Staff preżenti tal-Ministru Grima, Joe Filetti, lanqas biss jaf jikteb.

Issa, jidher li dan il-leak li żvela Net News, ħoloq inkwiet kbir f’din l-awtorità hekk kif is-sit  The Shift News kixef kif iċ-Chairman tal-AIMS, Antonio Mizzi talab lil Ryan Borg biex iwarrab temporanjament sakem din il-kontroversja tintesa.

Minn naħa tiegħu Ryan Borg, filwaqt li kkonferma li jinsab fuq leave insista li hu ħa dawn il-jiem b’mod volontarju, u mhux minħabba pressjoni.

Barra min hekk, Borg – li għadu kunsillier tal-Labour – qal li l-persuna li żvelat dawn ir-rekordings kisret il-liġi u għahekk se jkun qed jieħu passi legali kontriha, dan filwaqt li baqa’ jinsisti li ma  jikxifx ma’ min kien qiegħed jitkellem.

Il-kunsillier Laburista fil-lokalita ta’ Tas-Sliema qal li din it-telefonata saret sentejn ilu u stqarr li qatt ma immaġina li din il-persuna  kienet se tikxef din it-telefonata u tuża din il-konverżazzjoni kontrih.