Lokali

“Apatija totali” fuq ir-restawr taċ-ċisterni fil-Belt Valletta

F’Diċembru tal-2021 kienet instabet ċisterna taħt il-Foss tal-Belt Valletta, bl-istruttura dak iż-żmien kienet meqjusa bħala waħda fi stat dilapitat u li ċertament ma kinitx sigura biex persuna tidħol fiha.

Fl-aħħar xhur, Conrad Neil Gatt, magħruf għal filmati li jippubblika online u li kontinwament jiprova jqajjem kuxjenza dwar il-wirt kulturali ta’ pajjiżna – insista sabiex issir ħidma fuq dan il-post. Madanakollu jidher li kollox jinsab wieqaf. Huwa insista li l-aħħar li kien hemm xi tip ta’ moviment kien f’Mejju tas-sena l-oħra.

Gatt saħaq li fiż-żewġ ċisterni hemm fdalijiet mit-tieni Gwerra Dinjija u li suppost preżentament qed isiru xi xogħlijiet fuqhom; madanakollu huwa stqarr li ma huwa qed isir assolutament xejn.  Dan minkejja li saħansitra skont ma’ qal l-istess Gatt, mill-OPM qalulu li qed isir ix-xogħol.

Intant, wara li saritlu mistoqsija parlamentari mix-Shadow Minister Rebekah Borg,  il-Ministru Owen Bonnici saħaq li dwar it-tindif ta’ Ċisterna  della Quarantena, informat li dan qed jitwettaq mil-Lands Authority taħt is-superviżjoni tal-arkeologu, skont it-termini ta’ referenza maħruġa mis-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Dan filwaqt li spjega li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni se jevalwa l-kundizzjoni taċ-ċisterna ladarba jitlesta t-tindif u jagħti parir dwar kwalunkwe tiswijiet li jkun hemm bżonn.