Lokali

Għalissa l-Għawdxin se jkollhom jibqgħu bin-Nikolaos

Il-Maltin u b’mod mill-aktar partikolari l-Għawdxin, ilhom għal dawn l-aħħar xhur u snin jappellaw lill-Gvern għar-raba vapur biex jaqsmu bejn il-gżejjer – raba’ vapur minflok dak li hemm bħalissa, in-Nikolaus.

In-Nikolaos huwa vapur Grieg, li nbena aktar minn 30 sena ilu u l-għan inizjali tiegħu, ma kienx biex iservi bħala vapur tal-passiġġieri, iżda tal-merkanzija – vapur li qed jiswa’ lit-taxxi tal-poplu eluf kbar ta’ ewro kuljum, u li ma huwa komdu xejn għal min jagħmel użu minnu, partikolarment l-anzjani – minħabba fost l-oħrajn l-ammont kbir ta’ taraġ li għandu.

Matul din il-ġimgħa, il-Mexxej Laburista qal li n-Nikolaus qeda l-ħtiġijiet tal-poplu. U wara sostna li qed jippjana riforma.

Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lill-eks Ministru għal Għawdex, issa Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo dwar in-Nikolaus…. u meta, jekk qatt xi darba, l-Gvern se jkun qiegħed ineħħih u jintroduċi vapur denju għal passiġġieri.

B’Refalo jisħaq li huwa favur l-aċċessibiltà iżda fl-istess waqt faħħar il-fast ferry; liema servizz ovvjament ma tistax titla’ fuqu bil-vetturi privati jew tax-xogħol.

Għaldaqstant jidher li għalissa l-Gvern se jibqa’ joħroġ mal-€14,000 kuljum għall-vapur li l-Maltin u l-Għawdxin ilhom snin jappellaw lill-Gvern biex ibiddluh, imma skont il-Prim Ministru qed jaqdi l-ħtiġijiet tan-nies. U għalqdaqstant għalissa għandhom jibqgħu jikkuntentaw b’li għandhom.