B’talba ġenerali l-Partit Nazzjonalista stampa għat-tieni darba l-ktieb ‘ĠORĠ BORG OLIVIER: Il-Bniedem, il-Politiku, il-Missier ta’ Malta Indipendenti’.
Il-ktieb kien stampat l-ewwel darba lejn tmiem is-sena li għaddiet fl-okkażjoni tas-60 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza għal Malta u nbiegħ kollu fi ftit żmien. Minħabba d-domanda li kellu, il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jerġa’ jistampah għat-tieni darba, iżda f’numru limitat ta’ kopji.
Għaldaqstant, dawk li diġà ordnaw u ħallsu l-kopja tagħhom huma mitluba biex imorru jiġbru l-ktieb (jieħdu magħhom l-irċevuta) mir-reception tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fil-ħinijiet tal-uffiċċju. Dawk li għadhom ma xtrawx kopja ta’ dan il-ktieb, li jagħti ġieħ lil Ġorġ Borg Olivier bħala politiku u statista li wassal lil pajjiżna biex isir Stat Sovran u Indipendenti huma mitluba jirrikorru wkoll id-Dar Ċentrali tal-PN u jakkwistaw il-kopja tagħhom għal donazzjoni ta’ €25.
Mistoqsi x’wassal biex il-ktieb inbiegħ kollu f’perjodu relattivament qasir, l-awtur tal-ktieb Michael Caruana qal li dak li għamel interessanti l-kitba tiegħu huma l-aneddoti u l-esperjenzi ta’ familjari, ta’ nies li ħadmu miegħu fil-Partit u fil-Gvern, u ta’ storiċi u opinjonisti, inklużi nies mill-Partit Laburista li hu żied anki biex isostni l-istorja jew fatti magħrufa.
Dan hu l-aħħar ċans biex ikollok kopja tal-ktieb ‘ĠORĠ BORG OLIVIER: Il-Bniedem, il-Politiku, il-Missier ta’ Malta Indipendenti’.
//= $special ?>