Lokali

Il-Labour ikompli jxerred fake news biex jgħatti skandlu ieħor – PN

Jekk kulma nstabu kienu seba’ ID Cards falsifikati biss, għalfejn ittieħdu dawn il-miżuri kollha? - PN

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-kampanja qawwija ta’ propaganda mill-Gvern Laburista li mingħalih li l-poplu Malti u Għawdxi se jinsa li kien dan il-Gvern stess li fi 11-il sena tilef il-kontroll tas-sistema tal-permessi ta’ residenza u xogħol, tant li hawn nies f’pajjiżna li l-Gvern Laburista ma jafx fejn qed joqogħdu għax għandhom indirizz falz.

Dan qalu d-deputat Darren Carabott fi stqarrija maħruġa mill-PN, fejn intqal illi wara li kabbar il-popolazzjoni u ħareġ permessi ta’ xogħol bl-addoċċ, issa l-Gvern ta’ Robert Abela tilef il-kontroll fuq is-sigurtà u fuq in-numru ta’ persuni li daħlu f’Malta. Il-poplu Malti mhuwiex mazzun, u ħadd mhu se jbellagħhielu li nstabu seba’ ID Cards falsifikati biss.

Jekk kulma nstabu kienu irregolaritajiet f’numru żgħir ta’ karti tal-identità, għalfejn ittieħdu dawn il-miżuri kollha mill-aġenzija Identità? Min se jemmen li l-Gvern Laburista għamel dan it-tibdil kollu minħabba numru daqshekk żgħir ta’ karti tal-identità falsifikati:

·          L-aġenzija Identità stess ħarġet formola intitolata “De-registration of Address Form” li turi kif dak li jkun jista’ japplika biex ineħħi persuna li rreġistrat indirizz falz u li qatt ma kienet residenti fih. F’din il-formola saħansitra jintalab jekk sarx rapport mal-Pulizija minħabba li l-persuna qatt ma għexet hemm;

·          F’Settembru 2024, l-istess Identità biddlet is-sistema kollha kif jiġu reġistrati kuntratt ta’ kirjiet ġodda u ddaħħlet formola apposta b’xhud tal-firma ta’ nutar jew avukat;

·          Biddlu s-sistema fejn biex xi ħadd ibiddel l-indirizz fuq il-karta tal-identità, issa Identità qed titlob kopja tal-kuntratt li bih tkun xtrajt jew krejt il-post, inkella dikjarazzjoni ta’ sid il-post li qed jaċċetta li inti tgħix f’dik ir-residenza.

Hemm numru ta’ każijiet oħra li l-Gvern baqa’ ma pprovda l-ebda spjegazzjoni għalihom biex iserraħ ras il-poplu Malti, li għadu bla tweġiba għalihom:

–       Għadu ma spjegax kif ippermetta lil eluf ta’ barranin jidħlu f’pajjiżna u jirreġistraw indirizz falz, kif tikxfu l-imsemmija formola tal-aġenzija Identità;

–       Il-Gvern Laburista għadu ma spjegax lanqas kif ħarġu appuntamenti tal-isptar, ċekkijiet tal-Bank Ċentrali, rendikonti tat-taxxi, appuntamenti għal screening tas-sider, ittri minn Identità stess u ittri oħrajn maħruġin minn entitajiet oħra tal-Gvern li ġew impustati lil persuni differenti f’indirizz li qatt ma għexu fih;

–       Għadu ma spjegax lanqas it-taħwid li hemm b’każijiet fl-isptar, fejn persuni qed ikollhom rekords imħawdin ma’ ta’ ħaddieħor;

–       Għadu ma spjegax kif il-Ministru Byron Camilleri, f’intervista mal-ġurnalist Kurt Sansone ppubblikata fid-9 ta’ Settembru 2024, ħarbitlu li kien ilu jaf ix-xhur bl-iskandlu tal-karti tal-identità, u żamm kollox moħbi;

–       Għadu ma spjegax kif saħansitra l-forzi tal-ordni żgassaw u daħlu fi djar ta’ nies innoċenti, għax kellhom informazzjoni ħażina fis-sistema;

–       U għadu ma spjegax lanqas – wara li ġie każ mill-ġurnalisti, kif inħarġu Schengen Visas minn Malta lil persuni li allegatament huma involuti f’reati kontra l-umanità.

Kulħadd jiftakar li f’Mejju li għadda, f’kawżi li kien fetaħ is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Michael Piccinino, 22 Maġistrat differenti annullaw 99 ID Card iffalsifikata wara li sabu li kien hemm tbagħbis u frodi mill-Gvern Laburista għall-voti. Tant hu hekk li l-Qorti ordnat li jittieħdu passi kontra dawk li kienu wara dan il-frodi.

Issa, biex mingħalih iqarraq il-poplu, il-Gvern Laburista qed jipprova juża kawża waħda kriminali fil-Qorti fejn żewġ eks impjegati tal-aġenzija Identità huma akkużati li ħarġu karti tal-identità foloz, daqslikieku huma waħedhom orkestraw it-taħwid fis-sistema li ppermetta li titkisser il-Gvern Laburista.

Waqt li se jħalli l-proċess ġudizzjarju kollu jieħu l-kors tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li dak li ħareġ fil-Qorti mix-xhieda ta’ dawn iż-żewġ eks ħaddiema ta’ Identità dwar is-seba’ ID Cards huwa każ separat mill-inkjesta dwar l-iskandlu tal-ID Cards falsifikati.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern Laburista biex ma jibqax jinsulta l-intelliġenza tan-nies. Fl-istess ħin, imma, ma jippretendi xejn aħjar mill-esperti tal-Fake News – il-Labour ta’ Robert Abela.