Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saret illejla, kompla l-proċess ta’ tiġdid fi ħdan il-PN bl-approvazzjoni ta’ żewġ kandidati oħra żgħażagħ għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Il-kandidati approvati huma:
- Frederick Aquilina fuq is-Sitt Distrett Elettorali
- Luke Said fuq it-Tlettax-il Distrett Elettorali
Filwaqt li Luke Said huwa kandidat ġdid, Frederick Aquilina diġà kkontesta l-elezzjoni ġenerali li għaddiet mal-Partit Nazzjonalista.
Barra minn hekk, matul il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-lejla ttieħdu diversi deċiżjonijiet oħra li mistennija jkomplu jsaħħu l-ħidma fl-istrutturi differenti tal-PN.
Fost l-oħrajn, il-Kumitat Eżekuttiv approva tiġdid fil-ħidma tal-Kumitati Sezzjonali u l-Fergħat, kif ukoll rwoli ġodda għar-Rappreżentanti Distrettwali tal-Kunsillieri Lokali u tal-Kumitati Sezzjonali fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv innifsu.
Il-Kumitat Eżekuttiv kkonferma wkoll lil Stefan Caruana bħala Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-PN, kif ukoll approva t-tnedija ta’ proċess ta’ riforma fl-Istatut tal-Partit biex dan ikun jirrifletti l-aġġornamenti fil-ħidma politika tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>