Lokali Saħħa

KRIŻI SAĦĦA: Il-qasam tas-saħħa mentali f’xifer kollass ukoll

Il-kriżi fil-qasam tas-saħħa qed tkompli tiggrava u l-Gvern ta’ Robert Abela mhu qed jagħmel xejn biex iżomm lil dan is-settur milli jikkollassa għalkollox.

Issa anke l-uniku sptar tas-saħħa f’pajjiżna, Monte Karmeli, jinsab mimli sax-xfar u jidher li jekk ikun hemm numru ta’ pazjenti ġodda li jkollhom bżonn kura urġenti se tkun diffiċli li jiġu aċċettati f’dan isptar. Dawn se jispiċċaw jintbagħtu postijiet oħra fejn m’hemmx il-kura speċjalizzata li għandhom bżonn u li għandhom dritt għaliha.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata quddiem l-Isptar Monte Karmeli dalgħodu mix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo u minn Stephen Spiteri, Shadow Minister għall-Politika Soċjali.

Il-kelliema fakkru kif il-Gvern Laburista ilu jwiegħed sptarijiet ġodda u proġetti. Dawn kollha baqgħu fl-arja, inkluż l-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Mentali Ian Vassallo spjega kif l-isptar għall-kura tas-saħħa mentali preżenti jinsab mimli sax-xfar u saħansitra hemm swali li fihom pazjenti aktar minn kemm suppost ikun fihom sodod.

Haddiema fil-qasam tas-saħħa mentali spjegaw mal-Partit Nazzjonalista kif qed jaħdmu f’ambjent inaċċettabli kemm għalihom bħala professjonisti kif ukoll għall-pazjenti. Dan mhux biss huwa nuqqas fil-konfront tal-pazjent imma huwa wkoll ta’ dispjaċir għall-ħaddiema li jixtiequ jagħtu lill-pazjenti tagħhom il-kura mistħoqqa, imma ma jistgħux.

Il-Partit Nazzjonalista diġà għandu pjan kif se jinvesti biex il-pazjenti jkollhom l-aqwa servizz f’dan il-qasam billi qed jipproponi li:

·          Ikollna sptar gdid qrib tal-Isptar Mater Dei ghall-kura tas-saħħa mentali

·          Jinvesti fi djar fl-irħula biex NGOs ikunu jistgħu jagħtu kura fil-komunità

·          Jinvesti aktar fil-Kura Primarja

·          Jinvesti f’mediċini u trattamenti ġodda ta’ kwalità

·          Jinvesti f’aktar kampanji edukattivi dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u fl-iskejjel


Min-naħa tiegħu x-Shadow Minister Stephen Spiteri spjega kif dan l-iffullar u nuqqas ta’ kwalità fis-servizz qed jaffettwa lis-soċjetà tagħna u jkompli jgħarraq lill-pazjent. In-numru ta’ persuni li qed ifittxu l-għajnuna u l-kura qiegħed dejjem jikber. Il-fatt li dawn, meta jfittxu l-għajnuna, qed isibu ħafna ostakli jew stennija jkompli jżidilhom il-problemi, bir-riskju li s-sitwazzjoni tagħhom issir aktar akuta.

Bosta qed jispiċċaw ukoll f’diffikultajiet finanzjarji għax ikollhom ifittxu għajnuna privata, waqt li oħrajn qed ibatu minħabba nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol kaġun tal-problemi fis-saħħa tagħhom. In-nuqqas ta’ mediċini ġodda, waiting lists u spejjeż żejda biex persuna jirnexxilha b’xi mod tieħu l-kura li l-Gvern qed ifalli milli jagħtiha kollha jpoġġu piżijiet kbar fuq persuna li diġà tkun vulnerabbli.

Fl-istpar Monte Karmeli qed jiżdiedu b’mod mgħaġġel ukoll il-persuni b’kundizzjonijiet relatati mal-abbuż ta’ droga. Hu evidenti li dawn il-persuni mhux posthom ġewwa dan l-isptar għall-kura tas-saħħa mentali u għandhom bżonn servizz ta’ riabilitazzjoni f’ċentru speċjalizzat li joffri trattament olistiku.

Minbarra li qegħdin fi sptar li mhux attrezzat għalihom, dawn qegħdin ukoll jieħdu spazju li jista’ jingħata lil pazjenti li għandhom bżonn il-kura li joffri dan l-isptar.

Servizzi ta’emerġenza u każijiet akuti għandhom jiġu ttrattati f’sezzjoni bħall-Acute Psychiatric Unit biex il-pazjent jingħata l-aħjar kura.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali li b’tant dedikazzjoni jagħtu l-aħjar li jistgħu fiċ-ċirkostanzi. Dawn ukoll jistħoqqilhom post tax-xogħol dinjituż u fejn ma jkunux mgħobbija b’aktar milli jifilħu.

Ir-responsabbiltà li joffri s-servizz li għandu bżonn il-pazjent u l-post tax-xogħol dinjituż li jixraqlu l-ħaddiem tas-saħħa taqa’ fuq il-Ministru għas-Saħħa u fuq il-Gvern.