Lokali Qorti

Kuntatt ta’ “Informer” mal-Pulizija wassal biex jissolva każ ta’ traffikar ta’ ecstasy fl-2008

Assistent kummissarju tal-pulizija rtirat qal lill-ġurati kif ‘informer; li huwa kien jaf personalment kien infurmah dwar katina ta’ traffikar tad-droga li fiha raġel wieħed biegħ pilloli ecstasy lil traffikanti fit-triq bil-Pulizija tintervjeni.

Din it-‘tip-off’ mill-informer, “li l-identità tiegħu jien obbligat nipproteġi”, wasslet għall-arrest ta’ tliet irġiel li llum qed jgħaddu ġuri għal traffikar tad-droga, qal l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Neil Harrison.
Huwa kien qed jixhed, quddiem l-Imħallef Edwina Grima, fil-ġuri bil-ġurija kontra Rio Micallef mill-Marsa, David Tabone min-Naxxar, u Darren James Vella minn Birkirkara li huma akkużati b’diversi akkużi ta’ traffikar ta’ droga. Ilkoll qed iwieġbu mhux ħatja.

Harrison qal li, dak iż-żmien, kien Supretendent tal-pulizija u li kien imexxi l-iskwadra tad-droga. F’nofs Awwissu 2008 l-informer kien għadda informazzjoni li ċertu David Tabone, magħruf bħala Iz-Zambi, kellu madwar 2,000 pillola ecstasy maqsuma f’pakketti iżgħar u biegħhom ft-triq.

L-informatur għadda n-numru tal-mobile u d-dettalji tal-karozza ta’ Tabone iżda qal li, f’dak il-ħin, ma kellux droga. Harrison talab lill-informatur biex jinfurmah meta Tabone kellu d-droga f’idu. F’Settembru ta’ dik is-sena l-informatur għadda l-informazzjoni u din id-darba semma wkoll li Rio Micallef kien se jkun ma’ Tabone.

Harrison ikkoordina l-operazzjoni tad-droga mill-uffiċċju u eventwalment qallu li t-tim tiegħu arresta lit-tliet irġiel. Matul il-jiem li għaddew il-ġurati semgħu kif il-prosekuzzjoni qed issostni li uffiċjali tal-iskwadra tad-droga mmonitorjaw il-movimenti tas-suspettati qabel arrestawhom fil-15 ta’ Settembru 2008.

Tabone kien telaq minn daru u saq lejn McDonald’s f’Birkirkara fejn ingħaqad miegħu Vella. Il-koppja mbagħad iltaqgħu ma’ Micallef, li kien imexxi snack bar qrib Fleur-de-Lys. Micallef telaq mill-ħanut tiegħu, daħal fil-karozza tiegħu u saq fid-direzzjoni ta’ Triq il-Knisja l-Qadima, segwit mill-qrib miż-żewġt irġiel l-oħra.

Huma pparkjaw il-karozzi tagħhom ‘il bogħod minn xulxin u tnejn mis-suspettati resqu lejn garaxx, b’Tabone allegatament iġorr borża sewda. Meta Micallef ħass il-preżenza tal-pulizija, pprova jaħrab u allegatament tefa’ borża bajda taħt vann ipparkjat.

Huwa ġie arrestat flimkien ma’ Vella u Tabone. Ġewwa l-borża, il-pulizija sabet 1,940 pillola ecstasy b’valur tat-triq stmat ta’ €18,624. Il-pulizija qabdet ukoll €9,330 fi flus kontanti ġewwa l-borża s-sewda u sett ta’ mwieżen elettroniċi li fihom traċċi tad-droga.

Il-Ġimgħa ġurati semgħu wkoll lill-uffiċjal tal-esebiti Jessica Tanti tixhed kif waħda mill-esebiti tal-qorti – il-borża l-bajda – ma setgħetx tiġi rintraċċata. Ir-rekords wrew li l-borża kienet ġiet esebita fl-2008 u qatt ma kienet iffirmata mill-esebiti fl-istrongroom li jinsab fil-bini tal-qorti.

Tanti, li ħadet ir-rwol f’Jannar tas-sena l-oħra, qalet li kienu fittxew ifost l-esebiti datati qabel u wara l-2008 u kien kollu għalxejn. Din kienet l-aħħar xhud. Id-difiża bdiet tressaq il-każ tagħha. It-tliet akkużati ddikjaraw li mhux se jkunu qed jixhdu.

L-avukati Kevin Valletta, Godwin Cini u Danica Vella qed imexxu prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru f’isem David Tabone. L-avukati José Herrera u Alex Scerri Herrera qed jassistu lil Rio Micallef. L-avukati Michael Sciriha u Matthew Xuereb qed jassistu lil Darren James Vella.