L-Awditur Ġenerali se jkun qed jinvestiga l-proċess tas-sejħa pubblika għall-proġett tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab.
Wara d-dubji serji li tqajjmu b’rabta ma’ dan il-proġett tal-inċineratur – li huwa responsabbiltà tal-Ministru Miriam Dalli – l-Awditur Ġenerali laqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista sabiex it-tender jiġi investigat.
Lura f’Lulju tal-2024, kienu l-membri tal-Partit Nazzjonlista fi ħdan il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi; Darren Carabott, Claudette Buttigieg u Graham Bencini, flimkien mas-Shadow Ministers Eve Borg Bonello u Rebekah Borg, li talbu investigazzjoni wara d-dubji serji li tqajmu b’rabta mal-għoti ta’ dan il-kuntratt.
Fl-ittra iffirmata minnhom, kien ġie spjegat id-dubju li tqajjem b’rabta mal-għoti tal-kuntratt, u jekk dan sarx b’governanza tajba. Fejn anke saru allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet b’rabta ma’ dan il-proġett li jinvolvi miljuni ta’ ewro f’fondi pubbliċi – cioè – mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Id-dubji serji kienu qamu wara li kumpanija li applikat għat-tender appellet mid-deċiżjoni tal-WasteServ li għażel konsorzju internazzjonali li fih kien jinkludi kumpanija Maltija..lura f’Ottubru tal-2023. Bil-WasteServ ikollha tirrevedi d-deċiżjoni tagħha.
Issa, fid-dawl ta’ dan kollu, l-Awditur Ġenerali iddikjara li se tkun qed issir investigazzjoni, dwar jekk kienx hemm evalwazzjoni xierqa meta ġie mogħti it-tender, jekk dan sarx abbażi ta’ prinċipji tajba…u biex jiġu vvalutati numru ta’ punti li għandhom valur soċjali, ambjentali u ta’ governanza.
Intant, l-investigazzjoni se tkun qed tara wkoll l-benefiċċji tal-proġett tal-inċineratur, l-impatt ambjentali, u jekk kienux imħarsa d-drittijiet tar-residenti tal-madwar. Filwaqt li se jiġi evalwat ukoll il-livell ta’ diliġenza u governanza tajba mistennija mill-Kabinett u l-Ministeri tal-Gvern.
L-investigazzjoni se tkun qed tara wkoll jekk il-Bord ta’ Evalwazzjoni mexiex b’governanza tajba. Bil-Partit Nazzjonalista għal darba oħra jingħata raġun…u għaldaqstant se tiskatta investigazzjoni.
Lura fl-2018, kien il-Ministru Jose Herrera illi ħabbar li pajjżna se jkollu inċineratur li jopera sal-2023. Iżda, għaddew 7 snin, u pajjiżna għadu bla inċineratur…għajr pjanijiet fl-arja li huma mdawwrin b’kontroversji u dubji kbar.
//= $special ?>