Basketball Sport

Luxol jerbħu l-kampjonat tan-nisa taħt it-23 sena

Colin Schembri

Kampjonat Louis Borg Nisa U/23

Hibernians 48

Luxol 77

(4-25)(14-20)(14-23)(16-9)

Luxol rebħu il-kampjonat fil-kategorija tan-nisa ta’ taħt it-23 sena meta fit-tieni finali għelbu lil Hibernians 77-48. Luxol iddominaw b’mod ċar iż-żewġ finali fejn wara r-rebħa fl-ewwel finali 84-48, huma kellhom rebħa oħra tajba fit-tieni finali. Il-bidu tal-partita kien dominat minn Luxol li għamlu l-ewwel sittax -il punt mingħajr risposta. Sarah Fenech Pace fetħet bl-ewwel basket u warajha komplew fost l-oħrajn Jada Said, Vanya Baldacchino bi trippla u Lisa Fenech Pace. L-ewwel risposta ta’ Hibs ġiet minn Andie Saliba qabel ma Luxol reġgħu irrispondew bi trippla oħra minn Baldacchino, L. Fenech Pace u Anna Fenech Pace. It-taqsima għalqet b’basket minn Julija Dabic għal Hibs għal skor ta’ 4-25. Hibs bdew aħjar fit-tieni perjodu u rnexxielhom jagħmlu run ta’ 9-2 b’żewġ trippli minn Eliza Farrugia u Marie Buhagiar. Luxol wieġbu bil-punti ta’ A. Fenech Pace u komplew bi break ta’ 15-3 b’aktar punti mill-aħwa Fenech Pace flimkien ma’ Michela Marmara u Lou Bitzberger u daħlu jstrieħu 45-18 minn fuq.

Wara l-intervall, il-logħob kien aktar maqsum fejn Hibs kellhom il-punti minn Farrugia u naqqsu d-distakk 26-49. Luxol wieġbu b’ħames punti minn A. Fenech Pace u kellhom ukoll il-punti ta’ Said u Ella Abela. Saliba wieġbet għal Hibs però Luxol għamlu sitt punti oħra mingħajr risposta għal skor ta’ 68-32. Fl-aħħar taqsima kien hemm trippla minn Marmara għal Luxol però Hibs ukoll kellhom it-trippli minn Saliba hekk kif huma għalqu l-partita bi 8 punti mingħajr risposta bil-Luxol jerbħu l-partita 77-48 biex rebħu l-kampjonat. Fi tmiem il-partita is-Sur Mark Borg iben is-Sur Louis Borg flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Luxol Lisa Fenech Pace fost il-ferħ tal-partitarji numerużi tagħhom.

Hibernians: M. Buhagiar 5, A. Mallia 2, A. Saliba 19, N. Mansour 1, E. Farrugia 12, D. Buttigieg, J. Dabic 7, M. Mendez, M. Farrugia 2.

Luxol: G. Carabott 2, L. Fenech Pace 10, M. Marmara 5, H. Galea, J. Said 5, E. Abela 2, S. Fenech Pace 13, V. Baldacchino 12, S. Sciberras, R. Fenech Pace, L. Bitzberger 6, A. Fenech Pace 22.

Referees: Nicky Azzopardi, Andre Attard, Jaques Siefert