Lokali Qorti

Miċħuda talba minn tliet akkużati fuq droga biex il-ġuri jiġi xolt

Il-Qorti kostituzzjonali ċaħdet applikazzjoni minn tliet irġiel li bħalissa għaddejjin minn ġuri biex dan jiġi xolt. Huma kienu qed jikkontendu li d-dritt tagħhom għal smigħ ġust inkiser meta l-Qorti Kriminali ddeċidiet li l-ġuri jitkompla kif ippjanat.

Rio Micallef mill-Marsa, David Tabone residenti n-Naxxar u Darren James Vella minn Birkirkara ressqu tliet applikazzjonijiet separati fejn sostnew ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq wara li l-Qorti Kriminali ċaħdet talba minn tnejn minnhom biex jiġu pproċessati mingħajr ġurati.

L-irġiel bħalissa qed jiġu pproċessati minn ġurija qed jiġu akkużati kkofoffaw biex jittraffikaw 1,940 pillola ecstasy fl-2008. Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Tliet ijiem qabel beda l-ġuri, kull akkużat ippreżenta talba separata fuq allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha.

Il-kwistjoni qamet wara li emenda legali fis-17 ta’ Marzu ppermettiet individwi akkużati b’reati taħt l-Ordinanza dwar id-Drogi Perikolużi u l-Ordinanza dwar il-Professjonijiet Mediċi li jagħżlu jekk jiġux ipproċessati f’ġurija bil-ġurati jew mingħajr.

Ladarba l-Att ġie ppubblikat, Tabone u Vella mill-ewwel ressqu nota quddiem il-Qorti Kriminali fejn qalu li riedu jiġu ġġudikati minn imħallef u mhux minn ġurija. Filwaqt li Micallef ma mexiex l-istess, waqt seduta li saret fl-20 ta’ Marzu quddiem il-Qorti Kriminali, id-difiża tiegħu qalet li l-klijent tagħhom ried li jiġi pproċessat minn ġurija.

Il-prosekuzzjoni riedet li t-tliet timijiet tad-difiża jagħmlu dikjarazzjoni li mhux se jqajmu l-eċċezzjoni ta’ nullità jekk Micallef kellu jiġi pproċessat minn ġurija, filwaqt li Tabone u Vella jiġu pproċessati quddiem imħallef.

Madankollu, id-difiża naqset milli tagħmel dikjarazzjoni bħal din. Il-Qorti Kriminali eventwalment iddeċidiet li peress li l-akkużati kienu jafu li se jgħaddu ġuri mis-16 ta’ Diċembru 2024, ma setgħetx tilqa’ t-talbiet ta’ Vella u Tabone.

Għalhekk it-tlieta sostnew ksur ta’ drittijiet quddiem il-qorti kostituzzjonali. L-Imħallef Mark Simiana ċaħad it-talbiet ta’ ksur ta’ proċess ġust. Il-partijiet ingħataw sa nhar it-Tlieta biex iressqu appell. Il-perjodu statutorju tqassar minħabba l-proċess jinsab għaddej. L-Avukati Julian Farrugia, Maurizio Cordina, u Carina Bugeja Testa rrappreżentaw lill-Avukat tal-Istat.