Ewropa Lokali Mużika

Miriana Conte se tkun qed tkanta fid-disa’ post tat-tieni serata tas-semi-finali tal-Eurovision

Mirana Conte se tkun qed tirrapreżenta lill-pajjiżna fit-tieni serata tas-semi-finali tal-Eurovision, u se tkun qed tkanta fid-disa’ post.

Din l-aħbar ġiet żvelata l-Ħamis filgħaxija mill-European Broadcasting Union waqt li kienet qed tħabbar f’liema ordni se jiġu interpretati l-kanzunetti fl-ewwel u t-tieni semi finali tal-festival.

Id-69 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest se tittella’ fit-13 u l-15 ta’ Mejju, b’dawk il-kanzunetti li se jgħaddu mis-semi finali se jkunu qed jipparteċipaw fil-finali li se ssir fis-17 ta’ Mejju li ġej f’Basel fl-Iżvizzera.

Din is-sena l-kanzunetta ‘Serving’ ta’ Miriana Conte ħolqot ħafna kontroversja minħabba l-isem oriġinali li kien jinkludi l-kelma Maltija ‘Kant’ – tant li din il-kelma kellha titneħħa. Però, l-kanzunetta baqgħet kważi l-istess b’eluf ta’ kummenti fuq il-midja soċjali assiguraw lill-Miriana Conte li fl-arena se jkunu qed ikantaw il-kelma Kant għaliha.

F’din is-serata Malta se tkun qed tikkompeti ma’ 15-il pajjiż ieħor bit-tama li pajjiżna jkun fost l-għaxra li jaslu sal-finali. Il-pajjiżi li se jieħdu sehem fit-tieni semi-finali huma: L-Awstralja, il-Montenegro, l-Irlanda, Latvja, L-Armenja, l-Awstrija, il-Greċja, il-Litwanja, Georgia, id-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu, Iżrael, is-Serbja u l-Finlandja.

Intant, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja se jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetti rispettivi tagħhom fl-istess serata ta’ Malta; iżda dawn it-tliet pajjiżi għandhom post garantit fil-finali.