Raġel ta’ 40 sena li huwa residenti San Blas ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadia Vella li wettaq frodi u miżappropjazzjoni ta’ aktar minn 20,000 ewro li għadd ta’ persuni. Matthew Cachia, li qal lll-Qorti li l-professjoni tiegħu hija ta’ restawratur wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-vittmi allegatament ġew ingannati mill-akkużat fuq xogħol ta’ aperturi u restawr.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija daħlilha rapporti li bejn is-snin 2022 u 2023 l-akkużat wettaq reati ta’ miżappropjazzjoni u frodi għadd-annu ta’ diversi persuni. Ingħad li Cachia ma setax jinstab mill-Pulizija minħabba li kien bidel diversi residenzi u kien biss għax daħal jagħmel programm il-Caritas, u li nstab ewwa San Blas. L-imputat ikkopera mal-Pulizija, qalet il-prosekuzzjoni.
L-Avukat Ilona Schembri li deheret għall-imputat għamlet talba għall-ħelsin mill-arrest u dan biex il-klijent tagħha jibqa’ għaddej bil-programm li qed jagħmel kontra l-vizzju tad-droga.
Preżenti biex jikkonferma dan kien hemm fl-awla persuna li taħdem San Blas, li qal li dan beda l-programm f’Novembru li għadda, u li qed jgħix fid-dar residenzjali 24 siegħa kuljum. Wara, meta jlesti huwa jmur fir-residenza Charles Miceli li hemm fil-Mosta.
Mistoqsi mill-Qorti kemm baqalu biex ilesti l-programm u jekk jingħatax ‘leave.’ L-uffiċjal ta’ San Blas qal li l-akkużat baqlu sa Mejju sakemm jiġi trasferit. Xi ġimgħat qabel it-trasferiment huwa joħroġ għal ftit siegħat ma’ residenti oħra, fil-weekend ta’ wara jiltaqa’ ftit mal-familja u weekend qabel ma jmur fir-residenza Charles Miceli imur għand il-familja tiegħu.
Il-Qorti laqgħet it-talba biex hu jibqa’ għaddej bil-programm ta’ rijablitazzjoni u rabtitu b’garanzija personali ta’ 3,000 ewro. “Ibqa’ sejjer hekk, qaltlu l-Qorti. “Xorta jekk tinstab ħati tal-akkużi ta’ frodi trid tpatti għal għemilek, imma tidher li sejjer tajjeb,” qaltlu l-Maġistrat Vella. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher.
//= $special ?>