Lokali Qorti

Mixli li hedded lil martu u raġel fiż-Żurrieq

Raġel ta’ 34 sena residenti Birżebbuġa ġie mixli b’theddid fil-konfront tal-mara tiegħu u fil-konfront ta’ raġel li kien magħha fil-karozza, dan meta kien hemm ordni ta’ protezzjoni. L-Ispettur Omar Zammit qal lill-Maġistrat Nadia Vella li nhar l-Erbgħa, l-allegata vittma għamlet rapport fejn qalet li fejn l-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq, l-akkużat niżel mill-karozza u beda jgħajjarha pulċinella u kummidjanta.

L-Ispettur qal li fil-Qorti għaddej każ simili u li dak li ġara l-Erbgħa seħħ wara li l-akkużat mar jiġbor it-tifel miż-Żurrieq u dan isir fuq ftehim li għandha l-koppja, li tinsab fi proċess tas-separazzjoni. L-Ispettur flimkien mal-Avukati tal-parte civile qalu li l-Qorti diġa fdatu darba u li l-pleġġ inġħatu lilu riċentament.

Wara t-talba għall-ħelsien mill-arrest mid-difiża l-prosekuzzjoni qalet ukoll li għad hemm żewġ vittmi li jridu jixhdu, l-mara u raġel li kien magħha. L-Avukat Lennox Vella li rrappreżenta lil mara qal li fil-każ l-ieħor allegatament l-akkużat waddab brikksa fuq il-windscreen tal-mara.

Minn naħa tagħha d-difiża qalet li l-akkużi huma biss kontravenzjonali u għalhekk għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest. Qalet ukoll li għadu preżunt innoċenti. Il-Qorti li semgħet lir-raġel jgħid li jaħdem fil-kostruzzjoni laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li jidher li ma fehmx xi tfisser ordni ta’ protezzjoni, u hawn il-Maġistrat spjegatlu li bl-ebda mod ma jista’ jkellimha jew jersaq lejha.

Hija ordnatlu biex jibda jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa kuljum minflok erba’ darbiet fil-ġimgħa, kif kien ordnat jagħmel fuq il-każ l-ieħor u li jiddepożita fir-reġistru tal-Qorti s-somma ta’ 2,000 ewro u jagħmel garanzija personali ta’ 5,000 oħra. L-Avukat Micheala Giglio dehret għall-akkużat u flimkien mal-Avukat Lennox Vella, dehret l-Avukat Marisa Lautier Mifsud, bħala parte civile.