Reġgħet feġġet kampanja fuq il-mezzi tal-Partit Laburista u tal-Gvern ta’ intimidazzjoni u theddid ta’ kastig lill-Maġistrat Gabriella Vella li kkonkludiet sena ilu l-inkjesta dwar il-korruzzjoni fil-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi.
Ir-“rappurtaġġ” juża l-azzjonijiet tal-Maġistrat Vella fit-twettiq ta’ dmirijietha biex ipinġiha bħala li għamlet xi ħaġa ħażina. Per eżempju l-kummenti ta’ dawn il-faxxisti qrib Joseph Muscat jissottilenaw li kienet il-Maġistrat li ordnat tiftix fid-dar tal-persuna ssuspettata. Bħallikieku mhux xogħol maġistrat li tieħu d-deċiżjonijiet u tagħti l-ordnijiet meta tkun qed issir dik li isimha mhux għalxejn hu “inkjesta maġisterjali”.
Kull persuna akkużata b’reat aktarx tistmerr lill-qaddejja tal-istat li jiġbru l-provi li jintużaw fil-qorti kontriha. Imma mhux kull persuna akkużata għandha aċċess għall-midja u r-riżorsi li għandu Joseph Muscat. L-intimidazzjoni tal-qaddejja tal-istat hi metodu faxxist u mafjuż li jintuża meta ma jaħdmux il-korruzzjoni u ż-żehil.
Jekk Joseph Muscat huwa innoċenti ta’ dak li hu akkużat, għandu l-mezzi kollha biex jiddefendi ruħu fil-qorti bħal kull ċittadin ieħor. Minflok, qed jikkoordina kampanja fil-midja li għandha l-iskop li tinċita l-mibgħeda u l-vjolenza kontra l-Maġistrat li stħarrġet ir-reati li allegatament wettaq. Dan biex fl-istess waqt ikunu wkoll intimidati l-qaddejja l-oħra tal-istat li qed jaġixxu fil-każ tiegħu – ix-xhieda li għad iridu jixhdu, il-prosekuturi, u l-maġistrati u l-imħallfin li għad iridu jikkunsidraw il-każ tiegħu. Jekk ma jeħilsuhx, qed impliċitament javżahom, jiġrilhom dak li qed jiġri ‘l-Maġistrat Vella.
Fl-istess waqt qed naraw kummenti fuq il-midja soċjali taħt dan id-diskors intimidatorju, mimlija mibgħeda u theddid. Uħud minn dawn il-kummenti jinkwetawna ħafna. Din hi demonizzazzjoni perikoluża. Nappellaw lil dawk responsabbli li jassiguraw is-sigurtà personali tal-Maġistrat Vella, tal-familja tagħha, u tal-qaddejja kollha tal-istat li huma leali għas-sewwa.
Hu dmirna ta’ ċittadini li niddefenduhom jekk irridu nżommu d-dritt li l-qaddejja tal-istat jipproteġuna mill-kriminali u l-korrotti, għandhom kemm għandhom saħħa li jintimidaw u li jpattuha lil min jagħmel is-sewwa.
//= $special ?>