Lokali

Repubblika u numru ta’ għaqdiet isejħu protesta għal nhar l-Erbgħa li ġej quddiem il-Parlament

Repubblika, #occupyjustice, Fondazione Falcone, Aditus Foundation, The Daphne Caruana Galizia Foundation, Vuċi Kollettiva, u PEN Malta isejħu protesta quddiem il-Parlament għal nhar l-Erbgħa 2 ta’ April 2025 fis-18:00 biex jagħmlu l-aħħar appell lid-Deputati biex ma jdgħajfux il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni.

Abbozz 125 ineħħi dritt li llum għandhom iċ-ċittadini biex ifittxu direttament li ssir Inkjesta Maġisterjali f’reati injorati mill-Pulizija u mill-Avukat Ġenerali. Is-saltna tad-dritt trid li l-kriminalità tiġi investigata minn Stat li ma jħares lejn wiċċ ħadd. Waqt li napprezzaw ix-xogħol tal-istituzzjonijiet, nafu wkoll li fejn jidħlu reati li l-istħarriġ tagħhom ikollu konsegwenzi politiċi l-istituzzjonijiet tagħna huma spiss maħtufa u ineffettivi.

F’demokrazija, iċ-ċittadini għandhom sehem fit-tiftix għall-ġustizzja u hu att ta’ tirrannija li l-gvern qed ifittex li jgħaffeġ dak is-sehem.

L-għamla f’liġi tal-Abbozz 125 hu kontra d-demokrazija, kontra s-saltna tad-dritt, u kontra l-Kostituzzjoni.

Nappellaw liċ-ċittadini kollha ta’ rieda tajba li jiġu quddiem il-Parlament nhar l-Erbgħa u jsemmgħu leħinhom f’appell sinċier biex pajjiżna ma jieħux dan il-pass gravi lura.