Ekonomija Lokali

Robert Abela jrid jeduka lin-nies “xi jpoġġu fil-basket tax-xirja”

Fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern tiegħu irid jeduka lin-nies “xi jpoġġu fil-basket tax-xirja tagħhom”. Iżda fl-istess waqt, f’intervista sħiħa, ma ressaq ebda proposta biex jiġġieled il-kriżi tal-għoli tal-ħajja.

Fl-intervista li saret fuq ir-radju Laburista, Robert Abela iddikjara li hu affaċja “diffikultajiet straordinarji” kemm ilu Prim Ministru.

Robert Abela qatta’ kważi intervista sħiħa jitkellem dwar il-passat. Dan filwaqt illi għażel ukoll li jxerred aktar fake news dwar il-pensjonijiet, u jattakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Prim Ministru qal li d-difett tal-politiċi hu li jippjanaw short term. U fl-istess nifs, reġa’ semma’ it-trakka li ilha imwiegħda snin sħaħ. Apparti minn hekk, Abela prova jiddefendi l-fatt li sploda d-dejn tal-pajjiż għal rekord storiku – dejn li issa qed imiss mal-11-il biljun ewro.

Intant, il-Prim Ministru qal illi l-fatt li jkollok uffiċjal tal-AFM f’missjoni ta’ assistenza militari bejn l-UE u l-Ukreni, dan “ma jfisser xejn”.

Id-diskussjoni dwar il-paċi fl-Ukrajna kompliet din il-ġimgħa bejn il-mexxejja Ewropej f’Pariġi. Iżda Robert Abela ma kienx mistieden.