Lokali Qorti

Sentenza sospiża u deportazzjoni għall-koppja Filippina fuq każ ta’ użura

Koppja mill-Filippini ġiet kkundannata sentejn ħabs sospiżi għal tlier snin kull wieħed u se tiġi deportata wara li ammettiet li żammet il-passaporti ta’ nies mill-istess pajjiż sakemm iħallsuha ta’ flus li sellfithom bl-użura.

Manaois Jossie Magpantay ta’ 46 sena u Leonelu De Luna De Ramos ta’ 44 sena ammettew quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li wettqu użura u li kellhom fil-pussess tagħhom passaporti ta’ persuni oħra. Il-Pulizija bdiet tinvestiga lill-koppja wara rapport li waslilha li l-koppja kienet qed tislef Filippini oħra b’użura u żżommilhom il-passaporti sakemm iħallsuha lura.

Il-Pulizija wettqet rejd fir-residenza fejn tgħix il-koppja fil-Ħamrun u minbarra 41 passaport ta’ nies mill-Filippini sabet ukoll ammont ta’ flus kontanti. Il-koppja ammettiet u kienu kkundannati sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin.

WaIl-koppja ttieħdet f’ċentru ta’ detenzjoni fejn għandha tiġi deportata lura lejn pajjiżha. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Karl Roberts u Elisia Scicluna waqt li l-Avukat Ilona Schembri u Martina Herrera dehru għall-koppja.