Bosta kumpaniji u negozji qed jiffaċċjaw diffikultajiet żejda biex jużaw is-sistema l-ġdida tal-IT tad-Dwana. Dan qed ifixikilhom fl-operat tagħhom u jaħlilhom ħin prezzjuż filwaqt li jħarbtilhom id-dinamika tax-xogħol. Is-sistema l-ġdida tad-Dwana hi mimlija problemi u nuqqasijiet u mhijiex ta’ min jorbot fuqha.
Sostna dan ix-Shadow Minister tal-Finanzi Graham Bencini fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
Proċessi li sa ftit ilu kienu jsiru b’mod elettroniku, bħad-Dispatch Notes, issa qed jinkitbu bl-idejn minħabba l-problemi kontinwi fis-sistema. Minflok qed isir progress, bit-taħwid ta’ din is-sistema spiċċa qed isir rigress.
Kumpaniji li tkellmu mal-Partit Nazzjonalista qalu li huma ma ngħatawx taħriġ biżżejjed dwar is-sistema l-ġdida, u t-test environment li suppost jagħtihom iċ-ċans jaraw is-sistema qabel tibda titħaddem, intbagħtilhom biss tlett ijiem qabel ma daħlet fis-seħħ is-sistema live. Anke l-uffiċjali tad-Dwana stess ma ngħatawx it-taħriġ meħtieġ biex it-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida tkun kemm jista’ jkun bla xkiel.
Wieħed jifhem li sistemi ġodda jistgħu jġibu magħhom xi problemi fil-bidu iżda mhux aċċettabbli li sistema ġdida titfagħna lura minflok tmmexxina ’l quddiem maż-żminijiet tal-lum.
L-operaturi, l-importaturi, l-esportaturi u l-konsumaturi wkoll qed ibatu l-konsegwenzi negattivi ta’ din is-sitwazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata u titranġa mingħajr dewmien, b’intervent serju u konkret sabiex jiġu kkoreġuti l-problemi u jitnaqqas l-impatt fuq il-komunità kummerċjali.
//= $special ?>