Lejlet tmiem match day tal-Malta Premier, li għall-ewwel darba se tkun qed tintlagħab kollha kemm hi f’Għawdex, Net News jifhem li għal din l-inizjattiva tal-MPL hemm min hu xettiku ħafna kemm din l-idea innovattiva, li għandha għan kummerċjali, se tkun ta’ ġid jew se tkun qed tilħaq l-għan aħħari tagħha.
F’Replay Preview tal-lejla, waqt intervent awdjo-viżiv fil-programm tal-Ħamis filgħaxija fuq Net Television, iċ-Ċermen tal-MPL Limited, Alan Abela ammetta li l-idea ta’ din l-inizjattiva hija waħda kummerċjali, u żvela li kull klabb tal-Malta Premier, ħa ‘ammont finanzjarju sostanzjali’ talli se jkun qed jilgħab din il-match day f’Għawdex, fil-Gozo Stadium.
M’hemmx dubju li l-idea hi waħda tajba, kemm mill-aspett kummerċjali kif ukoll sabiex tagħti l-opportunitá lill-partitarji Għawdxin jaraw il-krema tal-futbol Malti, jilgħabu logħob kompetittiv fil-gżira Għawdxija.
Madankollu l-fatt li f’match day daqstant importanti, u li se tkun deċiżiva għal kif se jinqasmu t-timijet għall-aħħar parti tal-Closing Round, is-sitt partiti se jintlagħbu fuq l-istess art, u f’temp ta’ erba’ t’ijiem, dan jista’ jwassal għal ċirkostanzi fejn dawk li se jilgħabu tard f’din il-match day, iġifieri nhar il-Ħadd jew nhar it-Tnejn li ġej, ikollhom jilgħabu fuq f’pitch, b’ħaxix naturali, li ma jkunx fl-aqwa kundizzjoni.
Agħar minn hekk, skont it-tbassir tat-temp f’Għawdex, għall-erba’ t’ijiem li ġejjin, hu previst li jkolna ix-xita, tal-anqas f’jumejn mill-erba’ t’ijiem meta hu skedat li jintlagħab il-logħob minn match day 11 tal-Malta Premier.
F’dan il-każ, dan il-fatt żgur li ma jkunx qed jgħin biex il-kundizzjoni tal-pitch fil-Gozo Stadium tkun waħda tajba u idejali. F’Replay Preview tal-lejla, Abela ametta li m’hemmx ‘Pjan B’, u jekk ikollu jitħassar xi logħob f’Għawdex matul din it-tmiem il-ġimgħa, dan mhux se jkun qed jintlagħab f’Malta f’dan l-istess weekend. Fl-istess waqt hu ma ta ebda garanzija li jekk logħba ikollha titħassar minn din il-match day, meta tkun skedata għal ġurnata oħra, il-logħba xorta tintlagħab f’Għawdex.
Filwaqt li Abela rrikonoxxa l-possibiltá li t-temp u x-xita, jafu jkunu ta’ ostaklu milli jagħmlu dan il-weekend f’Għawdex suċċess kif mixtieq, fuq il-midja soċjali l-aħħar sigħat tkellem il-captain ta’ Ħamrun Spartans, Steve Borg.
Ħamrun Spartans se jkunu qed jilgħabu logħba importanti, li se tkun qed tħoll u torbot jekk jilgħabux mat-Top Six jew le fit-tieni parti tal-Closing Round.
L-ordni tal-partiti kif ġew skedati, u fl-liema ġurnata, kien deċiż permezz tal-polza. Fil-każ ta’ Ħamrun Spartans, li se jkunu qed jilgħabu kontra Naxxar Lions, dawn se jilgħabu l-konfront tagħhom nhar it-Tnejn li ġej, wara li fit-tliet t’ijiem ta’ qabel fil-Gozo Stadium se jkunu ntlagħbu ħames partiti.
Fuq il-paġna ta’ Facebokk tal-Malta Premier, Borg kien sarkastiku u qal “Perfett. Ninsab ħerqab li nilgħabu s-sitt logħba fl-istess f’pitch f’medda ta’ tliet t’ijiem. Top.”
Il-kumment ta’ Borg ġab l-approvazzjoni ta’ bosta partitarji, mhux biss dawk li huma Ħamruniżi. Li hu żgur hu, li l-kliem ta’ Borg ikompli jnissel tħassib serju dwar kemm il-Gozo Stadium kapaċi jiflaħ sitt partiti f’erba’ t’ijiem.
Fil-veritá anke l-logħob skeda mill-Gozo FA, rari jew qatt ma kien hemm tmiem il-ġimgħa fejn f’erba’ t’ijiem fuq xulxin, jintlagħbu total ta’ sitt partiti, bis-sitwazzjoni taf tkun bil-wisq agħar jekk kif imbassar, f’Għawdex tagħmel ix-xita.
Fil-waqt li wieħed jittama li dan ma jkunx il-każ, irresspettivament mill-element kummerċjali, wieħed bir-raġun jistaqsi jekk din l-idea, li fiha nnifisha qed issir b’skop tajjeb, hijix prattika jew le, u jekk se tkunx qed tħalli l-frott mixtieq.
Iż-żmien jagħtina parir.
//= $special ?>