Kummerċ Lokali

Fitch Ratings ittejjeb il-klassifikazzjoni tal-BOV għal ‘BBB’ bi prospettiva stabbli

Fitch Ratings tejbet il-klassifikazzjoni tal-Inadempjenza tal-Emittent f’Terminu Twil (Long-Term Issuer Default Rating (IDR)) tal-Bank of Valletta għal ‘BBB’ minn ‘BBB-’ u l-klassifikazzjoni tal-Vijabbiltà (Viability Rating) għal ‘BBB’ minn ‘BBB- ’. Il-prospettiva dwar l-IDR f’Terminu Twil hija stabbli. Fitch assenjat ukoll lill-BOV, klassifikazzjoni ta’ ‘BBB+’ għad-Depożiti f’Terminu Twil u klassifikazzjoni ta’ ‘F2’ għad-Depożiti f’Terminu Qasir.

Dan tħabbar minn Fitch f’dikjarazzjoni li rrikonoxxiet “il-pożizzjoni dominanti tal-BOV fis-suq domestiku, li ppermetta lill-Bank ikopri b’mod konsistenti l-opportunitajiet kummerċjali profittabbli offruti minn ambjent operattiv tajjeb f’Malta, filwaqt li jżomm kwalità adegwata tal-assi u kapitalizzazzjoni”.

Sew iċ-Chairperson tal-BOV, Gordon Cordina kif ukoll il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal din l-aħbar. Cordina qal li “Dan it-titjib fil-klassifikazzjoni minn Fitch, huwa rikonoxximent ieħor għall-vjaġġ ta’ trasformazzjoni li qbadna fl-aħħar snin u huwa xhieda tad-dedikazzjoni tagħna biex insostnu l-prestazzjoni pożittiva tal-Bank. Din l-aħbar tgħinna biex inħarsu ’l quddiem b’kunfidenza waqt li nkomplu bl-isforzi tagħna biex inħallu impatt pożittiv għall-istakeholders, l-azzjonisti u l-komunità ġenerali.”

Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia tenna fuq il-kummenti taċ-Chairperson u qal li “Dan it-titjib minn Fitch Ratings huwa tragward ieħor sostanzjali għall-Bank of Valletta, li jirrifletti l-qagħda finanzjarja b’saħħitha u l-viżjoni strateġika tagħna. Dan isegwi sensiela sħiħa ta’ kisbiet li l-Bank laħaq fis-sena 2024, fosthom it-titjib minn Standard and Poor’s, il-Marka ta’ Kwalità fir-Riżorsi Umani mogħtija mill-FHRD, l-unuri mirbuħa waqt il-Malta Business Awards u l-Unur tal-Kumpanija tas-Sena mogħti mill-Borża ta’ Malta. Dawn ir-rikonoxximenti issa jilħqu l-qofol tagħhom b’din il-klassifikazzjoni mtejba minn Fitch Ratings li tkompli tivvalida l-isforzi tagħna u d-dedikazzjoni biex inżommu l-prestazzjoni pożittiva tal-Bank u t-tkabbir fin-negozju għas-snin li ġejjin.”

Fi stqarrija uffiċjali, Fitch Ratings kompliet tgħid li l-klassifikazzjoni tal-BOV tirrifletti l-pożizzjoni tal-Bank li jibqa’ fuq quddiem fis-suq domestiku u li tikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni ta’ dħul b’saħħtu tal-Bank, minkejja d-diversifikazzjoni limitata tan-negozju minħabba ċ-ċokon u l-konċentrazzjoni tal-operat f’ekonomija daqstant ċkejkna. Fi kliem Fitch, l-istandards tal-BOV u l-linjigwida tal-investiment jallinjaw tajjeb mal-prattiċi tal-industrija globali filwaqt li l-qafas tar-riskju kompla jissaħħaħ kif mitlub u mistenni mill-awtoritajiet regolatorji. Ir-rapport sħiħ dwar it-titjib fil-klassifikazzjoni tal-Bank of Valletta huwa disponibbli fuq is-sit ta’ Fitch Ratings fuq: https://www.fitchratings.com/site/pr/10303983