Lokali

Fix-xhur li ġejjin se jidħlu miżuri ġodda b’rabta mat-traffiku għalkemm m’hemmx viżjoni ċara

Fuq firxa ta’ 18-il xahar se jkunu qed jiddaħlu numru ta’ miżuri ġodda bl-għan li jiġu ndirizzati l-problemi tat-traffiku, għalkemm m’hemmx viżjoni ċara ta’ kif dawn se jaħdmu eżatt u meta nistgħu nibdew nistennew l-effetti pożittivi jekk, wara kollox, qatt hux se jkun hemm xi differenza.

F’konferenza li ħadet sagħtejn, il-Ministru tat-Trasport, Chris Bonett semma’ numru kbir ta’ miżuri i jaqgħu taħt seba’ pilastri bl-isem ta’ Reshaping our Mobility li se jkunu qed jiswew lil pajjiżna bejn l-10 u l-15-il miljun ewro.

L-ewwel pilastru jiffoka fuq il-vetturi fit-toroq fejn hemm pjan li jiddaħlu għadd ta’ inċentivi biex jitnaqqas l-użu tal-vetturi privati. Miżura minnhom tgħid li wieħed jista’ jċedi l-liċenzja tiegħu għal ħames snin u jieħu €25,000, fejn ikun marbut li ma jsuq l-ebda vettura oħra u jekk wieħed jagħżel li jitlob il-liċenzja tiegħu lura qabel iż-żmien ikun jeħtieġ li jħallas il-bqija tas-snin li ma jkunx għamel u jkollu jerġa’ jgħaddi mit-testijiet biex jieħu lura l-liċenzja. Wieħed jista’ jagħżel ukoll li jagħti l-liċenzja tal-karozza tiegħu u minflok juża scooter fejn f’dan il-każ jingħata grant ta’ €1,500 kull sena għal erba’ snin.

Hemm ukoll il-miżura ta’ dawk bejn is-17 u l-21 sena li jistgħu jagħżlu li jsuqu scooter flok karozza u jieħu grant ta’ €1,500. Se jkun hemm ukoll skemi għal xiri ta’ muturi u anke scrappage scheme ta’ muturi, karozzi jew vannijiet antiki. U dan apparti li se jittieħdu miżuri iktar stretti b’rabta ma’ karozzi vintage u li dawn il-karozzi jeħtieġu jkollhom mill-inqas 30 sena.

Pjanijiet ta’ żieda fil-parkeġġi għal karozzi li jagħmlu carpooling lejn l-Università mistennija jagħmlu parti minn dawn il-miżuri iżda fil-karozza jeħtieġ ikun hemm is-sewwieq u mill-inqas żewġ passiġġiera. U miżuri għall-employers li jagħżlu li joffru trasport għall-ħaddiema tagħhom.

Għal dan il-pilastru l-Ministru kkonferma li m’għandux mira ċara.

It-tieni pilastru jiffoka fuq sevizzi li kemm jista’ jkun ma jtellfux lill-vetturi fit-toroq, b’mod speċjali fir-rush hours. U b’hekk it-tindif, road markings, il-ġbir tal-iskart u landscaping mhux se jsiru fl-agħar ħinijiet filwaqt li s-servizzi ta’ Transport Malta mhux se jiġu offruti qabel l-10 am.

Imsemmija wkoll servizzi ta’ P&R, parkeġġi tal-Gvern li jintużaw mill-pubbliku barra l-office hours, u anke sejħa għal politika nazzjonali dwar il-parkeġġ.

Lanqas hawnhekk m’hawn mira ċara.

Ir-raba’ pilastru jara tibdil fit-trasport pubbliku fejn mistennija li jkun hemm żieda ta’ rotot u anke rotot li se jżidu l-frekwenza tagħhom. Isemmiet ukoll ir-reviżjoni tan-network tal-linja, iżda s’issa, anke hawnhekk, għad m’hemm xejn fiċ-ċert.

Ġie msemmi wkoll xogħol fit-toroq ta’ pajjiżna fejn se jitkellmu mal-kuntratturi għal iktar ordni fix-xogħol li jsir, u jkun hemm iktar koordinazzjoni f’xogħlijiet li jsiru minn dipartimenti differenti tal-Gvern.

Mill-ġdid, uħud minn dawn il-miżuri f’dan il-pilastru għadhom fl-arja.

Pilastru ieħor jitkellem dwar mobilità alternattiva fosthom ħatra ta’ kumitat ġdid, u strateġija nazzjonali tal-mixi. Bis-seba’ pilastru jiffoka fuq remote working fost il-privat.

Ħafna miżuri li meta l-Ministru Bonett ġie mistoqsi dwarhom mill-midja, fl-ebda mument ma ta garanzija li dawn se jkunu qed inaqqsu t-traffiku b’mod sostanzjali. U f’każ li jseħħ dan it-tnaqqis, il-Gvern Laburista m’għandu l-ebda mira meta l-poplu se jibda jħoss l-effetti ta’ dawn il-miżuri. Miżuri li f’kelma oħra se jidħlu fis-seħħ bla ebda pjan ċar u konkret b’garanzija li se jħallu effett tant mixtieq. U dan meta l-flejjes ta’ flus se jaqbżu mhux biss id-doppju ta’ dak maqbul fil-budget, iżda saħansitra hemm il-possibilità li dawn il-miżuri jiġu jiswew tliet darbiet iktar – minn ħames miljuni għal 15-il miljun ewro.