Lokali

Il-Gvern jagħti kuntratt ta’ €16,000 fix-xahar lil accountant li kien qed jiffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus

Waqt li kien qiegħed taħt investigazzjoni mill-Pulizija fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u akkużi kriminali oħra, l-accountant Nigel Scerri kien qiegħed jirċievi kuntratti diretti mill-Gvern ta’ madwar €16,000 fix-xahar, maħruġha mill-kontijiet ta’ Mater Dei.

Kien is-sit The Shift li żvela dan kollu, hekk kif min investigazzjoni li għamlu fl-2024 dwar il-Ministru tas-Saħħa, sabu li Scerri kien intagħżel minn fuq net tal-amministrazzjoni ta’ Mater Dei biex jieħu ħsieb il-kontijiet tal-Isptar.

Mhux hekk biss, però Scerri kien magħżul mingħajr ma saret ebda sejħa pubblika għall-accountant dan minkejja li kien hemm mijiet elliġibbli għal dan l-irwol. B’dawn il-kuntratti jibqgħu jingħataw lil Scerri bejn Ġunju u Novembru tal-2024 b’total ta’ €100,000.

Intant, jidher li għadu mhux magħruf min awtoriża dawn il-pagamenti irregolari.

F’Jannar, Nigel Scerri u l-mara tiegħu kienu investigati fuq ħasil ta’ flus li jlaħħaq il-miljun u nofs ewro, huma kienu wieġbu mhux ħatja, bid-dipartiment tat-taxxa jgħid li bejn l-2016 u l-2024, il-koppja kienet kellha 12-il miljun ewro fi propejta u 26 kont bankarju b’uħud minnhom bara minn Malta.

Minn investigazzjonijiet oħra sar magħruf wkoll li Scerri kien ħallas loan ta’ miljun ewro fi żmien sena.