“Prim Ministru li mhux konsistenti, u li qed jidħak bil-poplu”.
Hekk iddikjara d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami meta l-Ġimgħa filgħaxija, fuq is-Super One, waqqa’ r-retorika kollha li uża l-Prim Ministru fl-aħħar jiem meta żvela kif il-Gvern Laburista “ġab flus mill-UE biex jiġu investiti fl-armamenti” – fatt li Abela, b’mod konvenjenti, qatt ma semmieh.
Beppe Fenech Adami żvela kif “il-Gvern ta’ Abela nefaq flus tal-UE biex inxtraw armi għall-AFM” partikolarment għas-Sezzjoni Marittima tal-armata.
Matul il-programm fuq l-istazzjon tal-Labour, id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis reġa’ ikkonferma li Robert Abela ivvota bħall-bqija tal-mexxejja Ewropej rigward l-għajnuna lill-Ukrajna. U fi kliemu, “il-Prim Ministru ma waqqafx il-proċess Ewropew”.
Intant, fil-bidu tax-xandira, Beppe Fenech Adami fakkar li l-kunċett ta’ newtralità ma’ daħlux l-eks Prim Ministru Dom Mintoff, iżda Karmenu Mifsud Bonnici – u storikament, huwa żbaljat li Robert Abela qed jipprova jbiddel dan il-fatt. Bid-deputat Nazzjonalista ifakkar li l-PN jibqa’ favur li Malta tkun newtrali.