Lokali Mużika

Il-Labour idawwar festival mużikali fi pjattaforma partiġġjana

Ammont kbir ta’ persuni ma ddejqu xejn jitkellmu fuq il-media soċjali dwar il-mod li bih il-Labour dawwar festival mużikali fi pjattaforma ta’ politika partiġġjana. Dan hekk kif il-Gvern uża l-konkors ‘Mużika Mużika’ biex jimbotta’ ‘l quddiem il-propaganda tiegħu – speċjalment waqt ir-reklami li kienu ħerġin fuq it-televiżjoni bejn il-kanzunetti.

Il-qofol ta’ din l-istrateġija intlaħaq meta għaqqdu kollox fi propoganda diretta anke minn fuq il-palk. Bil-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Labour saħansitra tuza l-festival sabiex tħeġġeġ lil-Laburisti ħalli l-Ħadd imorru l-Birgu għall-festa tal-31 ta’ Marzu.

Norma Saliba, fil-fatt, użat il-filmat tal-kanzunetta ‘Tema 79’ biex tħeġġeġ lill-partitarji Laburisti jmorru l-Birgu.

‘Tema 79’ ġiet interpretata lejn l-aħħar tas-serata tas-Sibt meta fuq il-palk tfaċċat il-kantanta Mary Spiteri. Bl-attivist Laburista Karl Stagno Navarra jistqarr li kienet “reġina assoluta”.

Żgur mhux kumbinazzjoni li fis-serata tal-klassiċi ta’ ‘Mużika Mużika’ intgħażlet ‘Tema 79′, propju fl-istess weekend li fih il-Labour se jiċċelebra l-festa tal-31 ta’ Marzu.