Il-Ministru tat-Trasport, filwaqt li ppreżenta ‘l fuq minn 45 miżura, fl-ebda mument ma ta garanzija li t-traffiku f’pajjiżna se jkun qed jonqos tant li l-Gvern Laburista lanqas għandu mira ta’ kemm il-karozzi se jitilqu mit-toroq Maltin matul dawn il-ħames snin li ġejjin.
Il-Ministru Chris Bonett sejjaħ lill-ġurnalisti għal konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbar dawn il-miżuri iżda mistoqsi mill-ġurnalisti ta’ Net News hu ma kienx kapaċi jwieġeb dwar l-ammont ta’ karozzi li għandhom il-mira li jonqsu mit-toroq u wisq inqas żmien stipulat għal meta l-poplu Malti u Għawdxi se jibda jħoss l-effetti ta’ dan it-tibdil. U fil-fatt, baqa’ sal-aħħar ma kkommettiex ruħu dwar kemm se jkun kapaċi jnaqqas it-traffiku.
Reazzjoni li kkonfermat li minn għexieren ta’ miżuri, l-ebda waħda ma toffri soluzzjoni long-term iżda kollha kemm huma jiffukaw fuq short-term. Tant li anke meta semma’ l-metro, qal li din għadha fi stadju ta’ diskussjonijiet għaliex wara li saret il-wegħda rrealizzaw kemm din se tiġi tiswa flus lil pajjiżna.
Minflok, wara diskussjoni mal-Ministru tal-Finanzi, sar qbil li l-budget maqbul għat-trasport f’pajjiżna jiżdied minn ħames miljuni għal bejn 10 u 15-il miljuni.
Fl-aħħar jiem kien hemm ħafna tħassib minn ġenituri wara li ħareġ fil-midja li żgħażagħ ta’ 17-il sena se jkunu jistgħu jsuqu l-iscooters. Quddiem dan il-fatt, Net News staqsa lill-Ministru Bonett jekk hemmx pjanat tibdil infrastrutturali għal iktar sigurtà fit-toroq iżda s’issa għadhom għaddejjin biss id-diskussjonijiet u mhux garantit li sakemm din il-miżura tidħol fis-seħħ isir it-tibdil kollu meħtieġ.
Dawn il-miżuri urew biċ-ċar kif wara 12-il sena ta’ tmexxija Laburista, s’issa għad m’hemm l-ebda pjanar fit-tul biex jitnaqqas u jiġi kkontrollat it-traffiku, tant li dawn il-miżuri joffru biss soluzzjoni għal żmien qasir. U sadanittant, hemm possibiltà li l-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jeħel fit-traffiku kull filgħodu u kull filgħaxija wara ġurnata xogħol.
//= $special ?>