Qabel iħeġġeġ in-nies għal trasport alternattiv u biex ma jużawx il-karozza, għandu jinvesti f’infrastruttura sigura u trasport tal-massa effiċjenti
Il-miżuri li ħabbar il-Gvern ta’ Robert Abela dalgħodu jonqsu milli joffru soluzzjonijiet għat-traffiku u milli jindirizzaw l-għeruq tal-problema: l-ammont kbir ta’ karozzi fit-toroq, l-infrastruttura mhux adegwata, in-nuqqas ta’ servizz effiċjenti ta’ trasport tal-massa u n-nuqqas ta’ qafas infrastrutturali għal mezzi alternattivi.
Wara li sar jaf li l-Partit Nazzjonalista kien qed jippjana attività pubblika dwar it-traffiku u t-trasport għal nhar il-Ħadd li ġej, Chris Bonett kellu pressjoni biex ifitttex jindirizza konferenza tal-aħbarijiet u jħabbar xi miżuri u skemi ħalli ma jidhirx li kien reattiv għall-inizjattivi tal-Partit Nazzjonalista.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut.
Hu kompla jgħid li filwaqt li f’dak li ħabbar il-Gvern dalgħodu hemm inċentivi li jekk implimentati sew jistgħu jagħmlu sens, bħall-inċentiv biex in-nies jużaw mutur minflok karozza, il-Partit Nazzjonalista jemmen li dawn iridu jkunu akkumpanjati minn pjan ta’ azzjoni li jżid is-sigurtà u jnaqqas il-periklu mit-toroq tagħna.
Il-Ministru ma jistax jiġi quddiem il-poplu b’dawn l-iskemi u jgħidilna li wara li jidħlu fis-seħħ, il-Gvern se jara x’infrastruttura se jkun hemm bżonn u li sadattant is-sewwieqa l-oħra jridu joqogħdu ftit attenti għal dawk bil-mutur. Dan mhux il-mod kif gvern serju jagħti s-serħan il-moħħ li l-poplu, u speċjalment il-ġenituri ta’ żgħażagħ li qed jitħajru jieħdu dawn l-iskemi, għandhom bżonn.
Jekk tassew irridu li aktar nies jużaw muturi, scooters jew roti minflok karozzi, għandna nagħmlu ħafna iżjed biex it-toroq tagħhna jkunu inqas perikolużi. Inkluż kampanji aktar regolari ta’ edukazzjoni, infurzar b’saħħtu, infrastruttura adegwata għal dawn il-mezzi ta’ trasport u leġiżlazzjoni li tagħti protezzjoni akbar lil sewwieqa ta’ vetturi fuq żewġ roti. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista xahrejn ilu ħabbar numru ta’ proposti f’dan ir-rigward.
Lanqas mhu ta’ serħan il-moħħ għal ħadd li l-Gvern stess li ħareġ b’dawn il-miżuri mhux kapaċi jgħid x’inhi l-mira ta’ kemm se jonqsu karozzi mit-toroq b’dawn l-iskemi, u sa meta.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li xi miżuri li ilu li ppropona lill-Gvern is-snin sabu posthom fil-proposti ta’ Chris Bonett. Fosthom dik li jkun hemm vapur iddedikat għall-merkanzija għal Għawdex minn portijiet oħra, mhux miċ-Ċirkewwa. Wieħed jittama li proposti bħal dawn ma jibqgħux fuq il-karta u li dan is-servizz ikun jitħaddem b’vapur modern attrezzat għall-bżonnijiet tal-lum u mhux b’xi vapur skadut bħall-MV Nikolaos.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ wkoll numru ta’ proposti oħra li kienu saru minnu stess, bħalma huma l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Mixi, il-ġbir tal-iskart f’ħinijiet differenti u t-tibdil fir-rotot tat-trasport pubbliku biex ikunu moqdija aħjar iċ-ċentri fejn hemm l-iżjed nies jaħdmu.
Dwar l-iskema ta’ għotja ta’ flus lil min iċedi l-liċenzja tas-sewqan, il-Ministru issa ċċara li din l-iskema titlob li wieħed iċedi wkoll il-liċenzji tal-karozzi. Din hi miżura simili għal dik li ppropona l-Partit Nazzjonalista ftit snin ilu, imma nemmnu li biex tassew din taħdem il-Gvern l-ewwel kellu jara li jsir l-investiment meħtieġ f’sistema ta’ trasport tal-massa u fit-titjib tat-trasport pubbliku. Inutli tipprova tinċentiva n-nies jitilqu l-karozza jekk ħafna nies m’għandhomx għażla vijabbli oħra.
Il-Ministru qal li min ikun irid joħroġ mill-iskema qabel jagħqlu l-ħames snin irid irodd lura mhux biss il-flus li ħa mill-iskema imma anke jħallas il-flus li jkun għadu ma ħax. Persuna li ċċedi l-liċenzja u li jerġa’ jibdielha wara li tkun raddet il-liċenzja lura tkun trid terġa’ tagħmel l-eżami tas-sewqan daqslikieku qatt ma kellha liċenzja.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li fl-aħħar il-Gvern se jniedi l-konsultazzjoni dwar in-National Cycling Strategy, li kienet diġà tħabbret sentejn ilu, u r-ritorn ta’ inizjattivi bħal Walking School Bus, li kien beda l-Kunsill Malti għall-Isport 20 sena ilu u li kienet sparixxiet fl-aħħar snin.
Chris Bonnet qal li l-użu ta’ mezzi alternattivi għadhom qed jiġu studjati. Fejn pajjiżi oħra Ewropej ilhom l-għexieren tas-snin jużaw ir-roti u mezzi oħra, il-Gvern Malti għadu qed jistudja u wieħed jittama li meta toħroġ l-istrateġija, l-infrastruttura ta’ pajjiżna tkun ġa lesta għaliha.
Tajjeb li l-Ministru fl-aħħar ukoll irrikonoxxa li fejn jidħlu xogħlijiet fit-toroq ma hawnx kordinazzjoni, anzi fi kliemu konna f’sitwazzjoni fejn “l-id il-leminija ma kinitx qed tkun taf x’inhi tagħmel l-id ix-xellugija”. Nawguraw li issa li rrikonoxxa l-problema, ma nibqgħux naraw ripetizzjoni ta’ toroq li jinqalgħu u jerġgħu jinqalgħu, u ta’ toroq li jinqalgħu fl-istess ħin fl-istess zona.
Huwa tajjeb li l-Gvern qed jifhem li diġà qiegħed tard u ma jistax jibqa’ jkaxkar saqajh biex isib soluzzjoniet għas-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna. Sfortunatamet però jidher li qabad il-problema minn sieqha u qed jipprova jħeġġeġ lin-nies ineħħu l-karozza qabel ma jagħti alternattivi vijabbli u jinvesti f’infrastruttura adegwata.
Apparti minn hekk, jekk il-Gvern se jibqa’ ma jagħmel xejn biex jibdel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna minn wieħed dipendenti fuq iż-żieda bla kontroll fil-popolazzjoni għal wieħed ibbażat fuq il-kwalità, jgħaddu ftit snin u dawn il-miżuri kollha jsiru suf għax il-problema tat-traffiku tibqa’ ma’ wiċċna.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jattwa pjan fit-tul għat-traffiku u t-trasport li joffri soluzzjonijiet ibbażati fuq miżuri bl-għan li jtejbu l-mobbiltà u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
//= $special ?>