Lokali

L-MUBE tgħid li l-Gvern għandu jintervjeni jekk hemm bżonn

Il-Gvern għandu jintervjeni f’każ ta’ bżonn jekk, il-Bank Ungeriż OTP ikun se jieħu f’idejh l-HSBC Malta hekk il-union tas-settur bankarju għandha tħassib serju dwar dan il-bank.

Dan intqal fi stqarrija mill-Malta Union of Bank Employees illi insistiet li hi se tkun qed tinvolvi ruħha fil-bejgh tal-HSBC meta tkun taf minn huma dawk interessati fl-akkwist tal-bank, filwaqt li tenniet id-dubji serji tagħha dwar il-bank OTP.

Fl-istqarrija l-MUBE sostiet li l-Gvern għandu jintervjeni f’każ li jkun hemm bżonn, biex jipproteġi l-interessi kif ukoll ir-reputazzjoni tal-pajjiż kif ukoll jigarantixxi it-trasparenza u l-ġustizzja b’mod ħolistiku u b’mod tanġibbli.

Il-bank OTP, huwa l-ikbar bank fl-Ungerija b’madwar 17-il miljun konsumatur madwar 11-il pajjiż u aktar kmieni din il-ġimgħa it-Times of Malta kienet żvelat li dan il-bank kien interesat fl-akkwist tal-HSBC Malta. B’din l-aħbar tqajjem tħassib anka minħabba l-fatt li dan il-bank għandu operazzjonijiet fir-Russja.

Il-Ministru Clyde Caruana kien qal li l-pajjiż għandu joqgħod attent dwar ir-reputazzjoni, dan wara li Malta spiċċat greylisted.

L-OTP, fl-imgħoddi kien ġie deskritt bħala bank li huwa sponsor tal-gwerra, u jekk jakkwista l-HSBC f’pajjiżna, din tkun l-ewwel darba li l-bank Ungeriż jespandi barra l-Lvant tal-Ewropa.