Knisja Lokali

Pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur fl-Isla

Il-Ġimgħa filgħaxija seħħ il-pellegrinaġġ tar-Randan bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur fil-parroċċa tal-Isla, immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna. Wara l-pellegrinaġġ l-Arcisqof iċċelebra quddiesa fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla fejn spjega li t-triq li qed joffrilna r-Redentur illum hi ta’ tliet imħabbiet: imħabba lejna nfusna, lejn il-proxxmu u lejn Alla, li hi “t-triq li twassalni fis-saltna tal-paċi”.

Ritratt: Martin Agius

Mons. Arċisqof enfasizza l-importanza li nħobbu lilna nfusna sabiex nitbiegħdu mill-ħażen u l-vizzji u minflok infittxu l-paċi fil-qalb. Żied jgħid: “Hemm bżonn titgħallem tħobb lilek innifsek biex tħobb lil għajrek. Għax l-imħabba tiegħi nnifsi mhix egoiżmu; l-imħabba ta’ vera hija li jiena noħroġ minni nnifsi u niltaqa’ mal-persuna l-oħra, hi min hi, u nagħti ħajti. L-imħabba tal-proxxmu tfisser li f’ħutna naraw x-xbieha mqaddsa ta’ Ġesù.

Ritratt: Martin Agius

Ejjew nistaqsu lilna nfusna: kemm hi ħaġa sabiħa li fid-djar, fil-pjazez u fil-knejjes tagħna narmaw ix-xbihat ta’ Ġesù u tal-għażiża ommu, biex infakkru dak kollu li r-Redentur għamel biex jifdina. Dawn huma xbihat qaddisa imma x-xbieha ħajja tal-Mulej qiegħda fil-proxxmu. Qiegħda f’min għandu bżonn l-għajnuna: il-ħarsa ta’ mħabba, il-kelma ta’ parir tajjeb, u d-dixxiplina li tikkoreġi dak li hu ħażin. Kull min jitma’ lil min hu bil-ġuħ, min jisqi lil min hu bil-għatx, min iżur il-morda għandu jiftakar fil-kelma għażiża ta’ Ġesù: ‘Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi’ (Mt 25:40).” Imbagħad meta nħobbu lilna nfusna u lill-proxxmu nkunu nistgħu nħobbu lil Alla.