Bejn nhar il-Ġimgħa u nhar it-Tnejn li ġej, Mark Galea u Jonathan Caruana minn Vitera se jkunu qed jagħmlu sfida partikolari sabiex iqajjmu kuxjenza dwar l-importanza tal-attività fiżika u s-saħħa mentali fl-irġiel.
Iż-żewġ atleti se jkunu qed jagħmlu total ta’ 18-il siegħa kuljum fejn se jkunu qed jagħmlu sitt sigħat għawm, sitt sigħat rota u sitt sigħat ġiri. L-għan tal-isfidu huwa li jħeġġeġ l-irġiel li jkunu għaddejin minn problemi ta’ saħħa mentali sabiex iftixxu l-għajnuna. Studji juru kif l-irġiel ifittxu l-għajnuna anqas minn niesa f’każijiet ta’ problemi ta’ saħħa mentali.

It-tim ta’ Vitera qal li din m’hijiex biss sfida fiżika iżda wkoll sfida psikoloġika biex wieħed jibqa’ għaddej għal tul ta’ ħin. Huma fakkru kif studji juru li l-isport inaqqas is-sintomi tal-ansjetà u d-dipressjoni kif ukoll jgħin biex wieħed jibni relazzjonijiet ma’ persuni oħra.

Intant matul il-jum tas-Sibt attenda wkoll għal din l-attività il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport David Agius fejn fost l-oħrajn faħħar il-ġest ta’ dawn iż-żewġ atleti u għamlilhom kuraġġ sabiex ikompli jqajjmu kuxjenza dwar l-importanza tas-saħħa mentali. Hu fakkar ukoll dwar l-importanza li l-pajjiż ikompli jinvesti mhux biss fis-saħħa mentali iżda anke fl-isport għaliex l-isport jgħin biex il-bniedem ikun f’saħħtu kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Din l-attività hija waħda mill-ħafna li qed isiru sabiex tonqos l-istigma dwar l-isfidi fis-saħħa mentali tal-irġiel kif ukoll tippromovi l-isport sabiex jingħelbu dawn l-isfidi.
//= $special ?>