Lokali

Tama u appoġġ għal Kate

Il-komunità Maltija qed tingħaqad għal avveniment ta’ solidarjetà u sport, Sports4Kate, li se jsir fit-18 ta’ Mejju mid-9am sal-5pm. Dan l-avveniment jimmira biex jiġbor fondi għal Kate, tifla ta’ sitt snin li qed tiffaċċja l-kundizzjoni rari Tatton Brown Rahman Syndrome (TBRS)—kundizzjoni estremament rari li taffettwa biss 1 minn kull 7 miljun ruħ madwar id-dinja.

Sfida Rari, Tama Kollettiva

Il-każ ta’ Kate huwa tassew uniku; hija l-unika persuna fid-dinja bil-varjant ġenetiku speċifiku tagħha. Dan ifisser li l-kura tagħha teħtieġ terapiji speċjalizzati u personalizzati, li ħafna minnhom huma għaljin u jsiru barra minn Malta.

Kate irritornat Malta wara 32 ġurnata f’Dubai għall-terapija speċjaliżat u intensiva, fejn it-terapija kompliet għal tliet ġimgħat oħra fl-Ingilterra u ġimgħa fil-Belġju. It-trattament ibbażat fuq saħħa tal-muskoli tal-ġisem kollu, terapija li tgħin fuq il-possibiltà li Kate tibda titkellem u timxi.

Sports4Kate: aktar minn sempliċi ġbir ta’ fondi

Dan l-avveniment mhux biss jimmira li jiġbor fondi għall-kura ta’ Kate, imma wkoll li jippromwovi l-isport, is-saħħa u l-għaqda fil-komunità. Il-ġurnata se tkun mimlija b’attivitajiet varjati, fosthom:

  • Logħob sportiv għal kulħadd
  • Żona għat-tfal b’divertiment speċjali
  • Ikel u xorb
  • Attivitajiet għall-familja kollha

“Hemm ħafna modi kif in-nies jistgħu jgħinu – billi jipparteċipaw, jagħtu donazzjoni, jew sempliċement ixerrdu l-kelma,” qal Glenn Grech, wieħed mill-organizzaturi. “Anke l-iżgħar kontribuzzjoni tista’ tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ Kate.”