Lokali

Attività ta’ solidarjeta biex tfakkar Jum l-Art tal-Palestina

Matul il-jum tal-Ħadd fi Pjazza ta’ San Ġorġ, l-għaqda Ġustizzja għall-Palestina flimkien mal-għaqda Lebanese Advocates u l-Moviment Graffiti organizzaw avveniment ta’ solidarjetà sabiex ifakkru Jum l-Art tal-Palestina….ġurnata simbolika li tirrapreżenta r-reżistenza u l-ġlieda kontinwa tal-poplu Palestinjan għad-drittijiet tiegħu fuq l-art, id-dinjità u anké l-ħelsien.

Jum li jfakkar il-protesti u l-istrajks tal-Palestinjani fl-1976 kontra l-konfiska ta’ art Għarbija.

Net News kien preżenti għal dan l-avveniment, fejn tkellimna ma’ Dania Haddad, li hija attivista mill-Palestina, fejn spjegat l-għan ta’ din l-attività u wasslet il-messaġġ tagħha.

Matul din il-attività, tkellem Sammy Meilaq, attivista soċjalista, fejn wassal l-appell tiegħu lill-Gvern ta’ Robert Abela, illi qed jonqos milli jirrikonoxxi l-istat tal-Palestina.

F’din l-attività tkellmu ukoll Joana Jebaili minn Lebanese Advocates, Andre Callus mill-Moviment Graffiti, kif ukoll David Zammit u Yana Mintoff minn Ġustizzja għall-Palestina.

L-organizzaturi ta’ din l-avveniment saħqu li dan qed isir fid-dawl ta’ meta Malta qed tiċċelebra Jum il-Ħelsien.

Barra minn hekk, huma ddeskrivewh il-ġenoċidju u l-oppressjoni li dejjem qegħda tikber f’Gaza u fix-Xatt tal-Punent, b’aktar minn 50,000 Palestinjan irrapurtati li mietu, u b’ħafna oħrajn li qed li ibatu minn nuqqas ta’ ikel u kura medika.

Intant, f’din l-attività kien hemm ukoll mużika, poeżiji minn poeti Palestinjani dwar arthom u żfin tradizzjonali tad-Dabke.