Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħti saħħa u tama lill-poplu Malti u Għawdxi.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu indirizza attività politika fil-lokalità tal-Kalkara.
Huwa fakkar li għada f’pajjiżna niċċelebraw Jum il-Ħelsien, parti minn sensiela ta’ turġien fl-istorja ta’ pajjiżna li wasluna f’hiex ninsabu illum – flimkien fost oħrajn mal-Indipendenza u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Madanakollu insista dwar il-fatt li l-poplu Malti u Għawdxi jeħtieġlu ħelsien ġdid – ‘il bogħod minn Gvern li jrid jagħlaq ħalq il-kritiċi tiegħu u jbeżża’ b’tattiċi ta’ snin tmenin biex jostakola l-libertà tal-espressjoni.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-fatt li Gvern immexxi minn Robert Abela huwa Gvern li għejja, dgħajjef u li jaħseb biss għalih innifsu.
Wera dan fost oħrajn meta, minkejja li l-Partit Nazzjonalista preżentalu għadd ta’ soluzzjonijiet fil-Parlament biex jikkumbatti l-isfida tal-għoli tal-ħajja…Robert Abela u sħabu ma laqgħuhomx – fosthom it-tneħħija tat-taxxa fuq l-Għajnuna tal-COLA u l-għajnuna lil min jimporta u jesporta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-wegħdiet preżentati tul il-jum tas-Sibt mill-Ministru Chris Bonett biex isolvi t-traffiku.
Huwa staqsa fejn jinsab il-proġett tal-metro wara li b’ħafna pompi u tberbiq tal-ewro minn but il-poplu qalu li kienu se jagħmluh….saħansitra semmewh fil-Manifest Elettorali tal-2022.
Intant, Bernard Grech tkellem dwar il-fatt li Robert Abela f’Malta jgħid mod u meta jitla fi Brussell jgħid mod ieħor – fatt li juri mhux biss li huwa populist iżda wkoll li m’għandu ebda direzzjoni.
Huwa spjega li pajjiżna jeħtieġ li jinvesti fid-difiża partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam cyberattacks iżda fl-istess waqt insista fuq l-importanza li n-newtralità tagħna għandha u tibqa tiġi protetta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm billi sostna dwar il-ħtieġa li l-poplu Malti u Għawdxi, f’għaqda waħda, jaħdem favur ħelsien ġdid – mhux biss tal-kelma iżda libertà veritiera, effettiva u tanġibbli.
//= $special ?>