Lokali

Il-Prim Ministru qed jibqa’ jaħbi mill-pubbliku d-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu u tal-Ministri

Il-membri tal-Kabinett qed jevitaw għal kollox milli jitkellmu dwar it-tender skandaluż tal-inċineratur – tender li issa jinsab taħt investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali, wara talba li saret mill-PN.

Tul il-jum tal-Ġimgħa, Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said jekk din it-tema hux fuq l-aġenda tal-Eżekuttiv, ċioè tal-Kabinett u jekk iġġibilhiex tħassib  – bid-Deputat Laburista tisħaq li hi tirrispetta l-istituzzjonijiet.

Għaldaqstant il-mistoqsija ġiet waħeda: jekk verament tirrispettahom, taqbilx mal-Kummissarju għall-Istandards biex il-Prim Ministru ipoġġi d-dikjarazzjonijiet tal-Assi tal-membri tal-Kabinett fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ftit wara dorna għal fuq il-Ministru Anton Refalo, li ilu jimmilita b’mod konsistenti fi gvernijiet tal-Labour – fejn dejjem ippreżenta d-dikjarazzjonijiet Ministerjali tiegħu….u dawn dejjem ġew intavolati fil-Parlament u ppubblikati.

Mistoqsi jekk jarahiex stramba li issa l-Prim Minsitru Robert Abela qed imur kontra l-appell tal-Kummissarju għall-Istandards biex jippubblikahom, Refalo qalilna biss li Abela huwa raġel onest.

Il-Mexxej Laburista qed jibqa’ jinsisti li hu mhux se jippubblikahom, minkejja li fi snin preċedenti għamel mod ieħor – u għaldaqstant id-domandi loġiċi li kulħadd qed jistaqsi: x’qed jaħbi u lil min qed jipproteġi Robert Abela?