Lokali

“L-għażla tal-poplu Malti għandha tkun waħda: Il-Partit Nazzjonalista” – Charles Bonello

“Ejjew flimkien noħolqu pajjiż li verament jixraqilna”.

Hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, fl-ewwel diskors li wassal f’dan l-irwol, fl-attività politika tal-Partit Nazzjonalista li saret fil-Kalkara.

Fejn huwa elenka l-fatt li qed ngħixu f’pajjiż illi tilef kull direzzjoni kaġun tad-deċiżjonijiet li qed jieħu Gvern Laburista. B’konsegwenza illi l-poplu Malti u Għawdxi qed jgħix f’pajjiż li qed jiġi maħnuq mill-Gvern..li saħanistra qed joħnoq lill-Oppożizzjoni fil-Parlament Malti.

B’Charles Bonello jelenka l-ironija tal-Partit Laburista, li minkejja li l-31 ta’ Marzu huwa Jum il-Ħelsien, il-poplu Malti u Għawdxi mhux wieħed ħieles, hekk kif huwa marbut li jgħix ħajja li mhux tal-kwalità li tixraqlu. Poplu li jqatta’ siegħat sħaħ fit-traffiku, bi stazzjon Nazzjonali li jinsab maħtuf fost l-oħrajn.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu, li Charles Bonello spjega li l-għażla tal-poplu Malti u Għawdxi għandha tkun waħda: il-Partit Nazzjonalista.

Partit Nazzjonalista li qed ikompli jiġġedded u jisaħħaħ. Partit Nazzjonalista li huwa determinat li jkollu grupp ta’ kandidati b’saħħithom u viċin in-nies.

B’Charles Bonello jispjega wkoll li l-Partit Nazzjonalista għaddej b’diversi proċessi interni, sabiex jipprovdi ħajja ta’ kwalità u soluzzjonijiet għall-poplu Malti u Għawdxi. Turija ċara ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista li huwa preparat bi proposti għall-familji, l-anzjani, iż-żgħażagħ u l-ekonomija fost l-oħrajn.

Kien għal din ir-raġuni li Charles Bonello spjega illi flimkien, b’ħidma konġunta, pajjiżna se jkun qed jigwadanja Gvern li huwa verament determinat li jagħti futur aħjar għall-pajjiżna.

Is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, irringrazzja wkoll lil dawk kollha li jaħdmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, il-voluntiera, il-kunsilliera, is-Shadow Ministers u anke l-kandidati kollha li huma kkonfermati u dawk futuri.