Basketball Sport

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel – Finali – Luxol Sherries Estates jerbħu fil-ħin barrani u jippareġjaw is-serje

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Hibernians 91

Luxol Sherries Estates 100

(18-15)(17-24)(27-14)(19-28)(10-19)

F’partita spettakolari li kellha bżonn żmien barrani biex tiġi deċiża, Luxol Sherries Estates għelbu lil Hibernians 100-91 wara 45 minuta intensi u mimlija eċitament f’Ta’ Qali f’partita denja ta’ finali. Minkejja li kienu minn taħt b’12-il punt fit-tielet sessjoni, Luxol ġew lura b’saħħithom fl-aħħar sessjoni u komplew bil-momentum tagħhom fil-ħames taqsima. Darron Howard kien il-protagonist assolut, bi prestazzjoni kbira ta’ 37 punt u 10 rebounds, b’effiċjenza ta’ 62.5% fil-field goals. Għenu wkoll Caleb McCrary b’23 punt u 9 rebounds, u Nathan Xuereb b’19-il punt, inklużi 13 mill-free throw line. L-effiċjenza għolja ta’ Luxol – b’medja ta’ 1.00 punt għal kull pussess – kienet element kruċjali, speċjalment fid-differenza fil-persentaġġ tat-trippli (43.5% għal Luxol kontra 25.8% ta’ Hibs). Minn naħa ta’ Hibernians, Tederick Wolfe għamel minn kollox b’34 punt, 9 rebounds u 5 assists, filwaqt li James Agyeman żied 16-il punt u 8 rebounds. Iżda l-pressjoni ta’ Luxol fl-aħħar taqsima u l-ħin barrani kienet wisq biex jikkontrollaw, hekk kif Luxol spiċċaw rebħu wkoll fil-punti mill-fast break (31-20).

Il-partita bdiet taħt kontroll ta’ Hibernians, li fetħu b’run ta’ 8-0 u komplew jestendu l-vantaġġ tagħhom sa’ 16-4 b’punti minn Agyeman, Demcesen u Wolfe. Luxol dehru bla risposta fil-bidu, iżda bil-mod sabu r-ritmu tagħhom grazzi għal baskets minn Howard u Djakovic. Luxol naqqsu d-distakk għal 18-15 lejn tmiem l-ewwel sessjoni. Fit-tieni taqsima, Hibs reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 29-19 permezz ta’ żewġ trippli minn Mallia u oħra minn Wolfe. Minkejja dan, Luxol reġgħu wieġbu, immexxija minn McCrary u Howard li flimkien għamlu run ta’ 14-2 li poġġiethom fuq quddiem 31-33. Fl-aħħar minuti tat-taqsima, Xuereb kien preċiż mill-free throw line biex Luxol daħlu għall-intervall fuq vantaġġ ta’ 39-35.

It-tielet sessjoni rat lil Hibernians jerġgħu jibdew tajjeb u jieħdu kontroll tal-partita. F’mument ta’ kontroll sħiħ, għamlu run ta’ 19-6 li wasslithom għal vantaġġ massimu 54-45. Wolfe, Demcesen u Gouder kollha kienu effettivi f’dan il-perjodu, hekk kif Hibs approfittaw minn turnovers avversarji u kienu preċiżi anke mill-free throws. Luxol għamlu l-almu tagħhom biex iżommu l-pass, b’baskets importanti minn Xuereb, Djakovic u Bukva, iżda Hibs xorta rebħu t-tielet sessjoni 27-14 biex temmew is-sessjoni fuq vantaġġ ta’ 9 punti 62-53. Fil-ftuħ tar-raba’ sessjoni, Agyeman kabbar il-vantaġġ sa 10 punti 65-55, iżda Luxol ma ċedewx u bdew jitilgħu b’mod konsistenti. B’run ta’ 8-2 mmexxija minn Howard u McCrary, Luxol reġgħu ġew viċin. Żewġ three-pointers minn Xuereb u Azzopardi fis-sekondi finali raw lil Luxol imorru fuq quddiem 78-81. Hibs kien għad fadlilhom pusess u eżatt fi tmiem tiegħu Agyeman kiseb three-pointer biex għamel l-iskor indaqs 81-81u l-partita marret għal ħin barrani.

Hawn, Howard fetaħ bi trippla u basket b’McCrary żied trippla oħra li rat lil Luxol jiftħu vantaġġ ta’ 10 punti 94-84. Hibernians tilfu wkoll lil Agyeman wara kuntatt ma Mccrary. Fl-aħħar minuti Luxol kienu wkoll effettivi mill-free throw line, b’Xuereb li għalaq il-logħba b’serje ta’ punti flimkien ma’ Djakovic. Għalkemm Matthew Attard kiseb three-pointer għall-Hibs, dan ma kienx biżżejjed biex iwaqqaf ir-rebħa ta’ Luxol 100-91.

Hibs: N. Cassar 2, T. Wolfe 34, P. Attard, L. Attard, L. Farrugia, A. Axiaq, M. Gouder 7, M. Attard 12, M. Mallia 6, J. Agyeman 16, I. Demcesen 9, S. Simic 5.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 37, V. Jandric, A. Azzopardi 3, I. Azzopardi, JP Schembri, N. Xuereb 19, N. Bukva 3, C. Jones Mccrary 23, M. Matijevic, S. Cappello 3, N. Djakovic 12.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Miguel De Flavia