Basketball Sport

Kampjonat Pisani Motoring School Irġiel U/16 – Rimonta ta’ Athleta AtoZ tagħtihom rebħa importanti fil-ftuħ tal-finali

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Luxol Bolt 55

Athleta AtoZ 69

(15-12)(13-13)(13-19)(14-25)

Il-finali tal-kampjonat Pisani Motoring School U16 Boys bdiet b’konfront missielet bejn Luxol Bolt u Athleta AtoZ, żewġ timijiet li wrew konsistenza tul l-istaġun kollu. F’Ta’ Qali, quddiem atmosfera sabiħa ta’ sportività, kienu Athleta li ħarġu rebbieħa b’wirja aktar effiċjenti, speċjalment fit-tieni nofs tal-partita. Minkejja bidu tajjeb ta’ Luxol, il-fast breaks kontinwi u l-kontribut validu mill-bank tal-Athleta mmexxi minn Isaac Xuereb, wassluhom biex setgħu jikkontrollaw ir-ritmu u jtemmu l-logħba fuq quddiem.

Il-logħba fetħet b’mod bilanċjat, b’żewġ timijiet li alternaw il-vantaġġ diversi drabi. Jake Godhwani u Kerem Lacin kienu l-aktar effettivi għat-team ta’ Jean Paul Schembri li fis-sitt minuta kienu 8-6 minn fuq. Għall-Athleta kien hemm risposta minn Vallat u Luca Manicaro qabel ma Luxol għamlu seba’ punti mingħajr risposta. Athleta għalqu t-taqsima bi trippla ta’ Matias De Flavia għal skor ta’ 15-12. Luxol daħlu b’aktar determinazzjoni fit-tieni perjodu u rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 9 punti wara run ta’ 12-2 li poġġiethom 27-18 minn fuq, b’Godhwani u Thomas Cummins effettivi fl-attakk. Madankollu, Athleta naqqsu d-distakk qabel il-mistrieħ, grazzi għal Kyle Abela u Mathias De Flavia li reġgħu ressquhom tlett punti ‘l bogħod mill-avversarji 28-25.

Fit-tielet sessjoni, Luxol kabbru d-distakk għal 31-25 hekk kif fetħu bi trippla minn Aleksander Matjevic, iżda minn hemm ’il quddiem Athleta ħadu l-kmand tal-logħba. B’run ta’ 19-7 mmexxija minn Vallat u Manicaro, Athleta temmew it-tielet taqsima minn fuq 44-41. Ir-raba’ sessjoni rat lil Athleta jkomplu jkabbru l-vantaġġ tagħhom, fejn kienu dominanti b’run ta’ 11-2 li effettivament għelbet kull tentattiv ta’ reazzjoni minn Luxol. L-effiċjenza ta’ Vallat u Micallef fil-fast breaks, flimkien ma’ kontribuzzjoni b’saħħitha mill-bank, taw lill-Athleta kontroll assolut tal-aħħar minuti tal-logħba. Luxol ippruvaw jirrispondu f’dawn il-mumenti finali speċjalment permezz ta’ Jack Gabriele però Athleta għalqu l-partita b’erba’ punti minn Abela u ħarġu rebbieħa 69-55. 

Luxol Bolt: Levente Csengeri 3, Aleksander Matijevic 6, Jack Gabriele 13, Hector Montane Rivier, Thomas Cummins 10, Jake Godhwani 13, Luke Fenech, Max Camilleri, Kerem Lacin 10, Jad Sarraf.

Athleta AtoZ: Isaac Jo Micallef 10, David Mifsud, Luca Manicaro 14, Nathan Muscat, Kyle Abela 18, Matias De Flavia 10, Simone Napolitano, Uni Vallat 17, Esprit Cauchi Carter 4, Miguel Felici 6, Thomas Cauchi Carter, Max Busuttil.

Referees: Gordon Barbara, Nicky Azzopardi, Jacques Siefert.