Futbol Sport

Sfida bejn Inter u Napoli għar-rebħ tas-Serie A wara li Atalanta jitilfu f’Firenze

(Ritratt: EPA)

Napoli u Inter jidher li se jkunu ż-żewġ timijiet li se jisfidaw għar-rebħ tas-Serie A meta fadal tmien partiti għal tmiem il-kampjonat. Napoli għelbu lil Milan 2-1. Matteo Politano poġġa lil Napoli fil-vantaġġ wara żewġ minuti. Romelu Lukaku għamilhom 2-0 fid-19-il minuta. Ċans għal Milan li jidħlu fil-partita fid-69 minuta iżda Santiago Gimenez naqas milli jiskorja minn penalty. Milan iżda għamlu dan fl-84 minuta permezz ta’ Luko Jovic.

Minn naħa tagħhom, Inter komplew iżommu l-vantaġġ tagħhom f’ras il-klassifika meta għelbu lil Udinese 2-1. Marko Arnautovic poġġa lil Inter fil-vantaġġ wara 12-il minuta. Davide Frattes għamilhom 2-0 man-nofsiegħa logħob. Udinese naqsu l-iskor fil-71 minuta permezz ta’ Oumar Solet.

Rebħa mportanti ta’ 1-0 għal Fiorentina fuq Atalanta. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fil-45 minuta minn Moise Kean.

Cagliari kisbu rebħa f’darhom ta’ 3-0 fuq Monza. Il-gowls kollha waslu wara l-mistrieħ. L-ewwel kien Nicolas Viola fid-49 minuta, mbagħad kien Gianluca Geatano fit-73 minuta u lejn it-tmiem kien Zito Luvumbo li għamel l-iskor finali ta’ 3-0.